DRAMMI  BIKRIN         DRAMMI   REĊENTI       PUBBLIKAZZJONIJIET        ARKIVJU         NOTI BIJOGRAFIĊI          PALK MALTI KONTEMPORANJU

                                                                                                                L-ARKIVJU

   
 

 

 

 

 


   Indiċi ta' l-Arkivju

Θ 
MANIFEST '72
 
Θ
  THE NEED OF A CONTEMPORARY THEATRE 

Θ   ANSEJTÀ U ANESTESIJA

Θ   LIVING  OFF-OFF MANOEL

Θ   F'DAN IL-BAĦĦ

Θ  THEATRICAL COLONIAL TIME WARPS

Θ  DEAD PLAYWRIGHTS REVISITED

Θ  WHITEWASHING THE MANOEL

Θ  GĦAX HEMM PALK MALTI

Θ  THE CULTURAL CRINGE

Θ  KWISTJONI TA' MASTURBAZZJONI

Θ  FLYING THE FLAG

Θ  GĦAŻLA ĠENETIKA

Θ  DWAR  IL-PALK MALTI   LLUM

 Θ  IT-TFITTXIJA GĦALL-PALK MALTI
 


ir-rivoluzzjoni li mhix se tixxandar


 

 

Tmiem millennju m'huwiex biss żmien li fih wieħed jieqaf biex janalizza l-ġrajjiet ii għaddiet minnhom id-dinja madwarna, jew kemm-il rivoluzzjoni falliet jew irnexxiet, imma huwa wkoll għal uħud żmien ta' introspezzjoni qalila personali. Huwa veru li Pawlu huwa karattru newrotiku, kittieb ta' ideali skaduti, bniedem tal-poplu, mitluf ġod-dinja qadima li m'għadux jagħraf, wisq anqas jgħożż; klandestin ġo artu stess. L-ideali li fuqhom immudelajt ħajtek, l-imperattiv, kif isejjaħlu Pawlu, li ddominalek nofs seklu ta' ħajtek, jasal ukoll biex jaqa' taħt l-istess lenti bla ħniena u tiskopri li r-rivoluzzjoni tiegħek personali għajiet tirribella kontra l-kompromess.
 

trażmissjoni mwaħħra

Għax għal Pawlu Schembri Panzavecchia, il-komunikazzjoni ma' ġensu, mal-qarrejja tiegħu u fuq kollox dan l-aħħar ftit snin, meta l-pluraliżmu offrilu pulptu ieħor minn fejn jista' jindirizzahom permezz tar-radju, tidher li hija komunikazzjoni li tilfet kull sens, sbroffat u qabżet kull limitu, sfreġjat ruħha bi djalogu moqżież daqs kemm irrepetibbli ma' ġens ipokrita u bigott li dad-diskors huwa l-lingwaġġ li jifhem l-aħjar. Ħajtu għamluhielu trażmissjoni mwaħħra, vittma tas-seven-second delay mechanism - ftit sekondi biex jista’ kontinwament jinħema l-kompromess. Imma mis-Sittinijiet sa tmiem il-millennju armajn il-protesta ilha li birdet u Pawlu jagħraf li r-rivoluzzjoni mhix tixxandar, ma tistax tixxandar, la fuq it-televiżjoni (b'apoloġija lil Norah Jones u Gil Scott-Heron) u l-anqas fuq ir-radju. Wisq anqas f'kitbietu.

Il-paranoja tiegħu tidher li rawmet ukoll Leħen li jħuf warajh bla ħniena, jikxiflu beraħ pjagi li qatt ma fiequ. Ix-xewqa frustrata għall-komunikzzjoni wara kollox jista' jkollha għeruq ħafna aktar sempliċi. L-unika fidwa tista' forsi tinstab kieku jirnexxielu sa fl-aħħar jikkomunika talanqas ma' bintu, armajn tfajla matura, li hija kulma baqagħlu minn relazzjoni li qatt ma rnexxielu jżomm sħiħa, relazzjoni minn tal-bidu, li warajha bħalha ġew ħafna, iżda li tagħhom ma fadalx għajr dellijiet ta' żminijiet meta l-ħeġġa tal-bidla kienet qawwija, friska u forsi ġenwina.

ix-xenarju urban malti

Kif murija fuq il-Palk tagħna, ir-rivoluzzjoni fix-xenarju urban Malti, fuq l-għatba ta' millennju ġdid, b'identità intemazzjonali ġdida, hija rivoluzzjoni illużorja, forsi wkoll deriżorja u illusiva. Għalhekk m'hix se tixxandar.
 

it-triq lejn damasku

Le, ir-rivoluzzjoni m'hix se tixxandar, u lanqas ma nistenna li dad-dramm xidarba jixxandar, jinħadem jew jitla' f'xi żmien qarib wisq. Il-verità hi li ma nafx nixtequx jixxandar. Ma nistax nimmaġinah imxandar, ippubblikat jew b'xi mod imwassal lill-pubbliku. Bħal Pawlu jien ukoll nahseb li armajn min jippriedka r-rivoluzzjoni, imwieżen fuq spallejn il-kompromessi, ma jistax jiggarantixxi wisq kredibbiltà. Il-lingwaġġ tiegħu, bħal ta' Pawlu kkastigat, immanettjat u miftum minn bintu, jaqbeż il-limili ta' l-oxxenità u l-kliem moqżież tal-protestà tiegħu jistgħtu xidarba jissikktu biss fit-triq lejn damasku minn Leħen mis-sema li mhux lakemm jiftiehem fil-kakofanija tal-midja sfrenata. Imma t-triq lejn damasku fix-xenarju urban Malti, kif muri fuq il-Palk Malti, hija triq illusiva u illużorja, forsi wkoll deriżorja; triq imwiegħra li ntilfet minn fuq il-mappa ġeografika kulturali. Għalhekk m'hix se tixxandar il-fidwa ta' seħibna Pawlu Pasparawlu.
 


 
Għalhekk, ir-rivoluzzjoni mhix se tkun fuq it-televiżjoni, ħabib,; mhux se tkun tista' tagħfas buttuna, tixxaħxaħ u tintelaq, kultant taħrab ħarba għal ftit trab u daqsxejn buzz u  bejn riklam u ieħor taħtaf birra jew tnejn... għax ir-rivoluzzjoni m'hix se tkun fuq it-televiżjoni.
La l-lejla u lanqas fil-millennju ġdid, ħabib
.

 OresteCalleja,  Ottubru 2004 
 Mid-daħla għal "Pawlu Redux"

 

PALK  MALTI  KONTEMPORANJU

           ARKIVJU              DRAMMI  BIKRIN                  DRAMMI   REĊENTI                  PUBBLIKAZZJONIJIET              NOTI BIJOGRAFIĊI

Oreste Calleja