a NOTI BIJOGRAFIĊI                      DRAMMI  BIKRIN                 DRAMMI   REĊENTI                PUBBLIKAZZJONIJIET                  ARKIVJU                         PALK MALTI KONTEMPORANJU

                                                                         L-ARKIVJU   

 

 

IL-KITBA GHALL-PALK MALTI LLUM
(2002)

Il-palk nazzjonali baqa’ l-Manoel

Niżel is-siparju fuq il-kumpaniji

Il-kapolavuri ta' Samwel French
 

Kampanja jew Proġett Nazzjonali

Ix-Xandir: Il-prodott lokali fuq
   il-midja pluralizzata

Il-ħtiġijiet jew l-eżigenzi kummerċjali
 

L-iskriptrajter Malti

Profeti jew Ebbeti Endemiċi
 

Il-kitba għall-palk bil-Malti hija waħda mill-forom tal-kitba kreattiva li fiha għad hemm ħafna progress xi jsir. L-imgħoddi reċenti, (minn wara s-sittinjiet ‘l hawn) juri li għalkemm kien hemm aġġornament fl-istil kif ukoll fil-kontenut li qarreb lilna l-kittieba ma' dak li kien ilu li beda jseħħ ‘ilhinn minn gżiritna, din il-qabża kbira ‘l quddiem, xprunata ’l aktar mill-kitba ta’ Francis Ebejer u xi ftit kittieba oħrajn, donnha naqset li ssaħħaħ b’mod konkret dak li kien inkiseb. L-idea li t-teatru nazzjonali ta’ pajjiż huwa waħda mill-aqwa għodod li l-artisti lokali għandhom f’idejhom biex jikxfu u jwasslu l-identità ta’ pajjiż, għadha sa issa m’hix sfruttata, jew apprezzata biżżejjed. L-idea li l-memorja kollettiva ta' ġens hija minjiera li fiha l-palk kapaċi jimraħ bla limitu, hija mitlufa fuq il-poplu tagħna. Forsi għax il-poplu għadu ma tħalliex jiskopri l-qawwa tat-teatru bħala għodda ta’ introspezzjoni individwali, kif ukoll soċjali.

Is-sitwazzjoni attwali tal-palk Malti ma jidhirx li varjat wisq tul dawn l-aħħar deċenni. Nagħmluha ċara li dad-diskors qed jingħad għal dak li għandu x’jaqsam mad-drama “tradizzjonali”. Id-diskors dwar tipi ta’ teatru oħrajn m’għandux jitħallat mad-dramm “miktub” – il-frott ta’ moħħ wieħed, dak li l-postmoderiżmu forsi diġà kkundanna u ppronunzjah mejjet – imma li safrattant jostina ruħu ma jmut qatt. F’ebda pajjiż. 

Mela, l-ewwel preambolu: jekk nitkellmu fuq id-dramm Malti, dramm miktub bil-Malti, wieħed jistenna li l-aħjar xempju ta’ dan it-tip ta’ dramm postu huwa fil-Manoel - it-teatru nazzjonali.

Ta’ min jirrepeti imma, is-sitwazzjoni attwali tal-palk Malti ma jidhirx li varjat wisq tul dawn l-aħħar deċenni. Il-palk nazzjonali baqa’ l-Manoel, il-vetrina prinċipali għal dik li hija kwalità tad-dramm Malti. Palkijiet lokali, distrettwali jew parrokkjali, dejjem baqgħu jżommu l-istigma ta’ dilettantiżmu (li t-Teatru Manoel jaspira li ma jikkontaminax ruħu biha).  Huma palkijiet enerġetiċi, mimlija entużjażmu u qalbiena kemm trid, ġenwini kemm trid, imma dejjem bit-timbru mhux dejjem mistħoqq ta’ dilettantiżmu. Il-Manoel biss donnu jaspira biex jiżgura lill-pubbliku “sofistikat” li dramm imtella’ fuq il-palk tiegħu digà huwa ta’ livell għoli biżżejjed.

Ir-raġuni hija ovvja: li dramm jirnexxielu jikkapparra post fil-ħin u fl-ispazju limitat li kapaċi joffri l-Manoel fi staġun wieħed, hija (wieħed mistenni jassumi) digà konferma fiha nnifisha li dad-dramm rebaħ l-konkorrenza ta' għadd ta’ drammi oħra…. inferjuri, jew li mhux xieraq (sic) li jidhru fil-Palk Nazzonali tagħna. Wieħed jista’ jargumenta dan il-punt, jirraġuna li hemm postijiet oħrajn xierqa fejn jistgħu jittellgħu drammi, però ħadd ma jista’ jinjora l-fatt li dramm li wasal il-Manoel ikollu, u għandu xiħaġa, li tiddistingwih minn drammi oħrajn… li jistgħu jittellgħu xi mkien ieħor. Talanqas, fit-teorija hekk għandu jkun, jekk il-proċess ta’ kif jintgħażlu drammi li jittellgħu fil-Manoel hija sistema ġusta u trasparenti.

X’jiġri minnu dan it-tip ta’ dramm tradizzjonali, kif jistgħu jinstabu mezzi biex imbagħad jitwassal ukoll fil-periferiji ta’ gżiritna? X’tip ta’ “outreach program” għandu jiġi żviluppat biex mill-udjenza ristretta tal-Manoel, joħroġ u jilħaq kull rokna ta’ gżiritna? Dik hija fażi oħra importanti ħafna li ma tistax tigi injorata.  Imma rridu ninsistu li l-ahjar xempji tad-drammi originali Maltin għandhom l-ewwel isibu posthom bi dritt fuq il-Palk Nazzjonali tagħna. Irid jiġi stabbilit, darba għal dejjem, li l-Palk Malti għandu jkunu fuq quddiem nett fil-programm tat-teatru f’Malta. Post it-traduzzjonijiet, post ix-xogħlijiet barranin, għandhom jiġu wara.

Huwa inkonċepibbli li ma jsirx kull sforz possibbli, li ma titteħiedx kull inizjattiva possibili biex, proattivament, min hu responsabbli għad drama fit-Teatru Manoel, joħroġ hu ifittex dejjem id-drammi Maltin.  M’humiex minnu li ma nsibux kittieba jew xogħlijiet Maltin tajbin biżżejjed.  Ma jinstabux għax ma nfittxuhomx. Għax kittieba jaqtgħu qalbhom jittalbu, jgħixu bit-tama, sena wara sena, jitfgħu dramm wara dramm fil-kexxun.

Għalhekk, jeħtieġ tiġi ċċarata s-sitwazzjoni ta’ kif fil-fatt qegħdin jiġu magħżulin id-drammi Malti li jittellgħu fit-Teatru Nazzjonali tagħna, u f’imkejjen ohra mmexxija minn fondi pubbliċi.  Jeħtieġ jintqal ċar u tond xi prijorità tingħata lid-dramm Malti. Kemm fil-fatt qed jintefaq minn budget ta’ sena biex jittellgħu drammi oriġinali bil-Malti? Kif tikkompara din il-figuri ma’ drammi oħrajn? Kif tikkompara ma’ għamliet ta’ preżentazzjonijiet artistiċi oħrajn li jsiru fil-Manoel? Kif tikkompara ma’ l-ispiża li ssir fuq xogħlijiet li, fihom infushom, m’humiex artistiċi, iżda purament infrastruturali?

Irid jiġi ċċarat ukoll jekk hemmx, kif wieħed jassumi li suppost hemm, dik il-proattività meħtieġa biex jinstab l-aqwa xogħol drammatiku u kif jista’ jkun imtella' kif jixraq dan it-tip ta’ xogħol rilevanti u kontemporanju. Jeħtieġ jiġi mistqarr pubblikament x’inhi l-proċedura kif kittieb Malti jista’ jressaq xogħlu fil-Manoel.

Niżel is-siparju fuq il-kumpaniji

Sa sena, sentejn ilu, il-management tal-Manoel kien kuntent iħalli f’idejn il-kumpaniji lokali jieħdu huma din ir-responsabbiltà hekk kbira. Il-ħtiġijiet ekonomiċi, kultant in-nuqqas ta’ mezzi biex dan isir, kultant ukoll, jeħtieġ tingħad, in-nuqqas ta’ fiduċja fil-kittieb Malti, kollha wasslu biex illum nindunaw li din ir-responsabbiltà ġiet traskurata u  ma tistax titħalla iżjed timxi għal rajha bla ma xiħadd jieħu t-tmun f’idejh u jipprova jwassalna fejn għandna naslu. Ma jistax ikun li jitħalla kulħadd ibaħħar għal rasu, kif jidher li ġara sa issa.

Irid ikun hemm xiħadd (xi wħud) li għandhom din il-viżżjoni ewlenija tas-siwi tal-Palk Malti.  Il-Kunsill Nazzjonali ta’ L-Arti jrid l-ewwel u qabel kollox jindirizza din il-ħtieġa li għandha titqies u titqiegħed fuq quddiem nett tal-prijoritajiet tiegħu. Il-wasla imminenti tal-provedimenti li jidher li hemm fuq ix-xefaq u li dan il-Kunsill lest li jieħu, jidher li digà heżżu sew l-istatus quo  li staġna fih il-Palk Malti għal bosta snin.

Il-kapolavuri ta' Samwel French

Issa hemm il-ħtieġa li tiġi implimentata  immedjatament u  li tittieħed minnufih xi għamla ta’ azzjoni affermattiva - ħidma li tagħraf u tafferma l-bżonn li kittieb tal-palk Malti jistħoqqlu kull għajnuna biex xogħlu jitwassal lill-pubbliku, meta dan ix-xogħol ikun ta’ livell tajjeb. Xogħol tajjeb ma jfissirx kapolavur. Il-kapolavuri jaslu wkoll xi darba nittamaw – wara ruxxmata xogħol ieħor mhux dejjem daqshekk tajjeb. Ma tistax tqabbel dramm oriġinali Malti ma' dramm kapolavur b’lingwa barranija, meħud frisk frisk minn fuq l-ixkaffa ta’ Samwel French. Dan l-istess kapolavur barrani kien ukoll darba dramm rozz, oriġinali, bħal ma hu d-dramm oriġinali Malti.  Biss issa wasal fuq l-ixkaffa rfinut u frott ta’ minn jaf kemm il-produzzjoni li permezz tagħha safa rfinut u mirqum, hekk li jista’ jitqies “kapolavur”- hekk li saflaħħar jista’ jiġi stampat u esportat. Id-dramm oriġinali Malti nafuha l-istorja tiegħu – għandu xorti jittella' tliet serati qabel ma jsib ruħu lura fuq l-ixkaffa għal snin twal... kultant għal dejjem. Mela ma tistax tqabbel dramm oriġinali lokali mal-ġojjelli mirquma barranin. Wieħed irid però jkollu fidi biżżejjed fih – irid ikun kapaċi jagħraf li taħt il-wiċċ imxellef tista’ tinsab ħaġra prezzjuża. Kultant ikun hemm – kultant le.

Imma d-dramm Malti għandu bi dritt jidher fuq il-Palk Nazzjonali Malti, il-Manoel. Ma hux aċċettabbli li wieħed jgħid li hemm postijiet oħra fejn jista jittella dramm Malti. Hemm jew m’hemmx, mhux l-argument. Il-Palk Malti postu huwa fuq il-palk nazzjonali Malti. Min jargumenta mod ieħor ma jistax jippretendi li jitħalla jiddeċiedi xi drammi jintagħżlu biex jitilgħu fuq il-palk  nazzjonali tagħna.

L-argument li dramm Malti jista’ jittella' f’xi sala nieqsa mill-attrezzaturi u l-vantaġġi li joffru l-Manoel, ifakkrek fi żmenijiet armajn niżżuħajr l-Alla minsija meta l-poplu Malti kien mitlub imur igawdu xtutu, imur skejjel, imur jiddeverti u jmur jiżvoga f’postijiet sekondarji biex ix-xempji ta’ wirt artna setgħu jitgawdew mill-barranin.  Irridu kemm irridu li barrani fi gżiritna jħossu milqugħ, ma nistgħu nerggħu qatt naqgħu għall-ereżija li Malti mhux milqugħ f’pajjiżu stess... Fuq il-palk tiegħu stess.  

Safrattant, l-istorja reċenti tal-Palk Malti ma’ hiex waħda li tħalli togħma tajba.

X’inhu r-raġuni li dramm li jirbaħ konkors nazzjonali ma jitqiesx tajjeb biżżejjed biex jitħalla jitla’ l-Manoel, waqt li d-dramm mhux rebbieħ jitħalla jitla’ hemm?  Wieħed irid jikkonkludi li, jew il-konkors nazzjonali ma hux qed ikun effettiv u effiċjenti biżżejjed, jew il-Manoel qed jiddiskrimina kontra drammi tajbin għal xi raġuni jew oħra. Il-konflitt jidher li huwa bejn il-ġurija li tagħżel id-drammi waqt il-konkors, u l-ġurija li tagħżel id-drammi wara l-konkors (biex jittellgħu il-Manoel).  Wieħed jista’ jistaqsi – għaliex għandu jkun hemm żewg gurijiet? Għaliex mhux waħda? It-terms of reference ta’ ġurija f’konkors nazzjonali hija daqshekk differenti minn dawk tat-terms of reference tad-drama panels tat-Teatru Manoel? Fejn tinsab din id-differenza?   X’inhuma l-kriterji, jekk jeżistu, ta’ din id-differenza? 

Id-differenza teżisti wkoll ovvjament fil-fatt li ġurija f’konkors qatt ma tiġi mħabbra minn qabel.  Għaliex le? Jekk il-ġurija tat-teatru Manoel kapaċi, bħala organu professjonali jistqarr bla biża' ta’ xejn għala jagħmel għażla ta’ dramm u mhux ta’ ieħor, għaliex ġurija f’konkors nazzjonali tistaħba wara l-anonimità? Għaliex ma tinżammx accountable bħal ma huma accountable il-ġurija li tagħżel id-drammi fil-Manoel?   Drammaturgu għandu jkollu dritt jara r-rapport tal-ġurija fuq ix-xogħol li jdaħħal għal konkors. U kull membru tal-ġurija għandu jkollu l-kuraġġ jiffirma l-kritika tagħha. Bħalma l-kittieb għandu l-kuraġġ jesponi ruħu għall-kritika, hekk ukoll min jikkritika għandu jkollu l-kuraġġ jiffirma ismu.

Jista’ jkun li raġuni hi li din il-ġurija (li ma hix imħallsa ta’ xogħolha!) m’għandhiex iż-żmien, il-kapaċità jew il-tenaċità li tara li d-drammi li jiġu fdati f’idejha tabilħaqq issir ġustizzja minnhom? 

X’jiġri mid-drammi wara li jitħabbru r-rebbieħa, wara li t-telliefa jbewċu ‘l hemm, wara li l-iskripts jintbagħtu lura lill-kittieba? L-istorja armajn ta’ għaxar snin ta’ din l-għamla ta’ konkors nazzjonali tat frott tabilħaqq minimu (kultant qares ukoll) u forsi għamlet aktar ħsara milli ġid. Ir-riċevement darba kull sentejn, il-qofol u l-apiċe tal-konkors, hija okkażżjoni ta’ siegħa li wara tagħlaq il-bieb f’wiċċ dawk kollha li ma rebħu xejn, tippremja bi produzzjoni, ġeneralment su di generis lid-dramm rebbieħ, u jieqaf kollox. 

Propju meta għandu jibda x-xogħol, nitilqu l-għodda minn idejna. Il-proattività, il-ħidma affermattiva li tipprova tfittex tigbor il-frott tax-xogħol ta’ dawk il-kittieba li daħħlu xogħolhom għal konkors, ma teżistix. Dak infatti li suppost għandu jsir, dak li għalih sar il-konkors, jigifieri li titferrex din il-kitba ġdida fuq il-palk Malti, dan jibqa’ ma jsirx!   Mela għalfejn sar il-konkors?  Biex darba kull sentejn jitqassmu ftit mijiet ta’ liri (kultant fl-istess ibwiet) waqt li dramm rebbieħ, jekk ikun xortih tajba, jitħalla jittella’ f’xi rokna mbiegħda ta’ gżiritnma... fl-agħar żmien tas-sena, taħt xemx taqli, ...Lulju f’Ta’ Qali, ngħidu aħna? 

Kif jista’ wieħed qatt jaċċetta li dramm rebbieħ ma jittellax il-Manoel?  Kif jista’ Kunsill Nazzjonali ta’ L-Arti jifhem u jiġġustifikaha din?

Li l-palk malti għandu bżonn ta’ injezzjoni, b’doża tabilħaqq qawwija ta’ demm ġdid(!) ma hemmx dubju.  Hemm min jissuġġerxxi Kampanja (jew Proġett) Nazzjonali għall-Palk Malti  – xi forma ta’ inizjattiva li tippromwovi l-produzzjoni regolari ta’ l-aħjar xogħol drammatiku ġdid bil-Malti, kif ukoll xogħol ieħor mir-ripertorju ta’ drammi Maltin ta’ l-imgħoddi. Dawn ix-xogħlijiet jitilgħu kif jixraq fuq il-palk nazzjonali tal-Manoel, kif ukoll jitwasslu fil-bliet u l-irħula Maltin oħra billi din il-Kampanja tista’ wkoll tissieħeb ma’ Kunsilli Lokali jew għaqdiet reġjonali permezz ta’  outreach programs li kapaċi jilħqu l-udjenzi tagħhom aktar mill-qrib. 

Jista’ jiġi kkunsidrat ukoll il-l-alternattiva li titwaqqaf Kumpanija Nazzjonali tad-Drama, bħal ma hemm l-Ingilterra u Franza, bħalma hemm f’pajjiżi oħrajn li bħal Malta  (minħabba raġunjiet storiċi)  m’għandhomx storja twila ta’ teatru nazzjonali u jeħtieġu doża qawwija ta’ proattività (u sussidju mill-fondi pubbliċi) biex xidarba nistgħu tabilħaqq ngħidu li għandna teatru nazzjonali b’saħħtu. Storikament pajjiżna ma żammx lura milli jwaqqaf entitajiet nazzjonali mill-fondi pubbliċi, kemm f’dik li hija arti, kemm f’dak li hu Sport.  U dawn l-inizjattivi taw il-frott tagħhom.  Hekk jista’ jagħmel ukoll il-palk.

Hemm min jissuġġerixxi li wieħed isegwi l-eżempju tan-National Endowment for the Arts, fl-Amerika, fejn proġetti li jistħoqqilhom jiġu regolarment, u fuq pjan kontinwu u trasparenti, mgħejuna mill-fondi pubbliċi biex jittellgħu u jitwasslu lil udjenza nazzjonali.  Pajjiż bħall-Amerka, fejn ir-riżorsi finanzjarji huma bla qies, xorta jħoss il-ħtiega ta’ inizjattiva bħal din. Hawn Malta fejn ir-riżorsi huma limitati ħafna, il-ħtieġa hija bil-wisq akbar!

IL-PROĠETT F'ĠIEĦ IL-PALK MALTI...  XIDARBA

Li huwa żgur, jieħu liema forma jieħu, il-proġett f’ġieħ il-Palk Malti jrid ifittex soluzzjonijiet, irid jifrex ir-riżorsi finanzjarji tiegħu ‘ilhinn mill-formoli u l-mezzi li nafu li storikament, jew fallew totalment, jew taw frott tassew medjokri. Il-fondi lanqas ma jistgħu jiggarantixxi li xidarba forsi wieħed jista' jazzarda jgħid li tassew jeżisti l-Palk Malti. Il-fondi waħedhom, ikunu kemm ikunu, ma jaslux. L-element uman, il-viżjoni u l-konvinzjoni ta’ min iġestihom huma l-qofol ta’ kollox.  Jekk min jintriga ma jħossx tbaqbaq fih il-ħtieġa ta’ ħidma affermattiva, jekk ma jkollox l-ixprunatura li ġejja minn proattività kontinwa, ma jasalx.

Wieħed jista’ biss jittama li jirnexxilna nsibu tlaqqigħ ideali bejn r-risorsi umani u r-riżorsi finanzjarji. Xidarba.
 


IX-XANDIR

IL-KWALITÀ TAL-PRODOTT LOKALI FUQ IL-MIDJA PLURALIZZATA

Xhieda ta’ dan huwa dak li jintwera, jew jinstema’ fuq il-medja lokali, fejn paradossalment  l-attività f’dan il-qasam qiegħda dejjem tikber.  Il-kwalità u l-kwantità ta’ dak li wieħed jara fuq it-televiżjoni lokali tixhed żewġ affarijiet:

  • il-popolarità tradizzjonali tad-dramm bil-Malti (wirt żmien ir-Rediffusuion u r-radjudrammi), imma fuq kollox,

  • il-popolarizzazzjoni tal-kwalità li hija offruta lill-konsumatur lokali. 

Riskji ma jittieħdux: dak li hu, jew kien, popolari kważi qatt ħadd ma jissogra jibdlu. (Wieħed forsi jista' jfakkar dak li Edward Albee jgħid dwar it-teatru Amerikan, meta jistqarr li “Broadway is run by cowards.”)   Huwa veru li teknikament isir sforz biex il-prodott jitwassal b’mod aktar palatabbli u aġġornat ma’ l-avvanz tat-teknoloġija, però s'hemm l-aktar li naslu. Il-mudelli li wieħed jipprova jimita jibqgħu s-soap operas, it-telenovellas jew it-teleserials kummerċjali barranin – dawk li jiżguraw li jkun hemm udjenza garantita għalihom. Wieħed irid jistqarr ukoll li naturalment dawn ir-raġunijiet ekonomiċi ta’  dan il-fenomenu m’humiex raġunijiet invalidi.

Xorta waħda wieħed jista’ però  jistaqsi kemm qed jiġi rrispettat il-konsumatur Malti? Wieħed jista’ jidħol ukoll fl-argument kemm fil-fatt dawn ix-xogħlijiet huma jew m’humiex jaslu għand il-pubbliku b’livell deċenti jew le.

Il-ħtiġijiet jew l-eżigenzi kummerċjali, il-fatt li min hu imjegat biex iwassal dan ix-xogħol huwa bosta drabi diġà impenjat f’xogħol ieħor u mhux dejjem jista’ jagħti l-aqwa sforz tiegħu biex jintlaħaq l-aħjar livell f’ħidmietu, huwa wkoll ta’ min wieħed jikkunsidrah. Dan però fuq il-livell prattiku ta’ produzjoni WARA li suppost diġa wieħed ikun għadda mill-istadju ta’ qabel tibda l-produzzjoni (il-preproduction stage).  

Bħal ma jiġri f’oqsma differenti tal-produzzjonijiet lokali, ma jidher li hemm ebda sistema partikolari dwar kif joriġinaw, jintagħżlu u jittellgħu xogħlijiet drammatiċi.

Wieħed jissuspetta li dak li jħoll u jorbot huma l-limitazzjonijiet tal-ħin u tal-finanzi. Jidher li jitħalla ħafna f’idejn inizjattiva spontanja ta’ min jintriga u jidħol għal dan ix-xogħol. (Li r-raġunijiet tiegħu jistgħu jitbiegħdu xi ftit minn dik li hi... arti.)

Li wieħed dejjem jopera taħt dik li tista’ tiqties sistema reattiva, jew taħt il-madmad ta’ kriżi wara l-oħra, sabiex wieħed ilaħħaq ma’ eżigenzi tal-ħin u eżiġenzi ekonomiċi, m’hijiex is-sistema ideali kif twassal prodott xieraq. Inġenjuża u fluwida kemm tista' tkun is-sistema ta’ crisis mangament,  żgur li mhux l-aħjar mod kif joħroġ prodott ta’ kwalità.  L-unika fażi li wieħed jista’ jgħid, li, jekk issir sewwa, għandha possibbilta kważi totali li ma taqax vittma ta’ din is-sistema lokali mxellfa (armajn endemika)  ta’ produzzjoni, għandha tkun il-fażi tal-kitba. L-unika fażi li wieħed jista’ jippretendi ċertu ammont ta’ professjonaliżżmu, li forsi ma jippretendix minn ħaddieħor, hija l-fażi ta' produzzjoni ta’ l-iskript.

Però, kemm fil-fatt qed tingħata l-importanza li jistħoqqlha din il-fażi?  Kemm, wieħed jissuspetta, qed isir eżatt l-oppost? Hija biss impressjoni żbaljata li wieħed jieħu kultant li donnu l-iskript jiġi mibdi, mraqqa’ u mibni skond l-istess sistema reattiva li tipprova ssolvi problemi ta’ produzzjoni a skapitu ta’ skript deċenti?

Il-ħasra kbira hi li l-bidu ta’ kull proġett bħal dan huwa ineżorabilment marbut ma’ l-iskript oriġinali. Huwa inkonċepibbli li wieħed jonfoq il-flejjes li jintefqu fuq il-produzzjoni, tintuża  teknika diġitali mill-aktar avvanzata, biex imbagħad tintilef il-qaleb u l-ġbejna għaliex l-aktar ħaġa essenzjali li fuqha tintiseġ il-produzzjoni kollha, l-iskript, jitħalla fl-istat primordjali ta’ kif joħroġ minn taħt il-pinna ta’ l-iskriptwrajter. Jew inkella jiġi kkoreġut (hawn min jgħid ”imbagħbas”) minn min ma hux kittieb tas-sengħa.

Ta’ min wieħed jistaqsi jekk min hu responsabbli għal dawn il-produzzjonijiet ikunx dispost jikkunsidra li fejn tidħol il-kitba drammatika ssirx sforz biex l-iskriptwriters ikollhom sehem attiv ukoll waqt li qed jinħadem dramm jew kummiedja.

F’liema stat jinsab l-iskriptrajter Malti?

L-idea ta’ għaqdiet professjonali fil-qasam ta’ l-arti jidher li qatt ma rnexxielha taqbad art f’pajjiżna. Hemm lok għal għaqda li tħares l-interessi tal-kittieba?  Għaqda li tgħin l-imseħbin jispeċjalizzaw f’xogħolhom, fl-istess waqt tipproteġilhom ħidmiethom għal dik l-hija copyright, u li tiggarantixxi li xogħolhom jitħallsu tiegħu meta jkun hemm ripetizzjonjiet ta’ kitbithom, li tipproteġilhom qligħ anċillari li jista’ jkun hemm permezz ta’ stampar ta’ videos, eċċ.  Li  jiggarantixxi li jkun hemm kuntratt li jipproteġi dawn l-interessi tal-kittieba? Għaqda li tħares ukoll ‘il quddiem biex tgħin kittieba jiżviluppaw s-sengħa tagħhom.  Forsi wasal il-waqt li mezzi tax-xandir isegwu linji professjoali kif jiġu mfittxija skripts, jekk mhux ukoll idejat għal skripts, u kif dawn, ukoll wara li jintagħżlu, jgħaddu minn proċess ta’ żvilupp, li jista’ jinvolvi wkoll aktar minn kittieb wieħed jew waħda, biex il-prodott jġi żviluppat u editjat kemm-il darba jkun hemm bżonn sakemm saflaħħar jasal għand il-konsumatur b’mod l-aktar xieraq.

Dawn l-ideat huwa l-bażi li fuqhom jimxu pajjiżi li ilhom żmien twil impenjati f’din il-ħidma. Hawn Malta din ir-razzjonlizzazzjoni tax-xogħol tista’ tidħol,anzi,  jeħtieġ li tidħol jekk ma rridux li nibqgħu nittimbraw lilna nfusna bħala dilettanti.

Il-kittieb forsi huwa wieħed mill-ftit li teoretikamnet jista’ jaħrab minn dan it-timbru ta’ dilettantiżmu. Ir-raġuni hi li l-limitazzjoni ta’ ħin li kittieb dispost jiddedika għax-xogħol Ii jkollu f’idejh tiddependi minnu biss. Veru li jekk kittieb ma jkunx impenjat il-ħin kollu għax-xogħol tal-kitba, jista’ jdum id-doppju jew aktar sakemm ilesti xogħol kif jixtieq hu.  Però it-tul tal-ħin huwa f’idejh. Jiddependi minnu biss meta jiddeċiedi li xogħlu leħaq il-livell mixtieq u jista' jitilqu minn idejh.

Li għandu nieqes kittieb huwa l-feedback u  id-disponibilltà tiegħu waqt il-provi, waqt il-produzzjoni. L-input tiegħu ħafna drabi ma jitqiesx aktar.  Meta niġu għall-palk, l-awtur Malti, minħabba t-tul minimu li dramm idum fuq il-palk Malti, qatt ma jista’ jkollu l-ħin li, waqt li dramm ikun għadu jittella’ fuq il-palk, jerġa’  jirrivedi xi partijiet minnu, xi xena, xi djalogu li tidher li mhix tilħaq l-iskop tagħha.  Fejn hu nieqes professjonalment il-kittieb Malti forsi huwa fil-fatt li bosta drabi ma jistax ikomplu jagħti direzzjoni fl-iżvilupp ta’ l-iskript oriġinali tiegħu meta dan jasal fil-fażi prattika, fil-proċess ta’ produzzjoni.

Oreste Calleja
Lulju, 2002


PS.  Profeti jew ebbeti endemiċi
Hemm min lill-kittieba tal-palk jittimbrahom dis-preġġattivament bħala "profeti" li m'għadx hemm posthom fit-teatru. F'Malta, għal kuntrarju ta' dak li jiġri u ilu jiġri fid-dinja kollha minn żmien il-Griegi 'l hawn,  la jistgħu jitwieldu aktar l-Ebejerijiet, la l-Edward Bonds, la l-Ibsenijiet u wisq anqas l-Edward Albees. Flokhom se tiġġenera ruħha provi-denzjalment xi forza kreattiva kollettiva ta' "nies tat-teatru" li, min hawn u ftit snin oħra (pressapoko) se jibdew jagħtuna dak li l-profeti kkastrati tagħna ma jistgħux jagħtuna. Dan, naturalment, fi żmien ipotetiku f'ġejjieni ipotetiku. Għadu mhux magħruf x'jiġri jekk sadanittant, għax ix-xitan irid hekk, ifettillu jitwieled xi profeta prolifiku fostna.

LURA FUQ

          DAĦLA

     DRAMMI BIKRIN 

DRAMM REĊENTI

PUBBLIKAZZJONIJIET

ARKIVJU