NOTI BIJOGRAFIĊI                           DRAMMI  BIKRIN                     DRAMMI   REĊENTI                     PUBBLIKAZZJONIJIET                       ARKIVJU                          PALK MALTI  KONTEMPORANJU
                                                          L-ARKIVJU
 


Ilum qed ngħidu li hawn kriżi ta' kittieba tal-palk Malti

Intervista
minn Sergio Grech 

Ottubru, 2002   Il-Mument

 
   
 
  • Illum qed ngħidu li hawn kriżi ta' kittieba tal-palk Malti. Min-naħa l-oħra hawn min qed jgħid li kittieba hawn u qed jiktbu u qed jispiċċaw iżommu kollox fil-kexxun. Lil min taqbad temmen?
     
  • Kriżi ta’ kittieba ma naħsibx li hawn. Li nista’ ngħid mhux x’għandu ħaddieħor fil-kexxun, imma x’għandi jien. Bħalissa għandi erba’ drammi tajbin li kapaċi jitilgħu fi kwalunkwe palk… nazzjonali. Imma, veru, fil-kexxun qegħdin. U mhux għax ma ppruvajtx intellagħhom.
     
  • Donnok ħrabt mill-mistoqsija Malta hux jinkitbu drammi. Tkellimt għalik biss? Nemmen li hi inevitabbli l-mistoqsija x'qed jinkiteb Malta kif inhi inevitabli li tgħid x'qed jiktbu t-Taljani, il-Ġermaniżi u l-Amerikani u l-bqija?
     
  • Aktar milli humiex jinkitbu drammi, naħseb il-mistoqsija għandha tkun x'jiġri mid-drammi li jinkitbu. Il-konkors Francis Ebejer nafu li kull sentejn jidħlu bejn l-għoxrin, tletin dramm. Hawn għandek mela minimament 10 drammi kull sena. Naturalment jekk wieħed ma jqisx li jista' jkun hemm min idaħħal dejjem l-istess dramm, sena wara sena; mela xi ftit drammi qed jinkitbu. Ma nafx min qed jiktibhom. Il-konkors ma jagħtix rendikont ta' min daħal u x'kiteb. Ma nafux humiex kittieba żgħażagħ jew xjuħ. Ma nafux humiex kummiedji jew drammi serji... hawnhekk nara wieħed mid-difetti l-kbar tal-konkors. Kif dejjem stqarrejt jien - xogħol ta' konkors għandu jibda WARA li jitħabbar ir-riżultat. L-iżvilupp tad-drammi li ħarġu mill-konkors hija l-aktar parti importanti tal-konkors. Jekk niġu għad-drammi fuq il-midja, nafu li r-radjudrammi mietu totalment. Ħasra. Dak li jidħer fuq it-televiżjoni ma nafx jikkwalifikax bħala drama kif forsi qed nifħmuh hawnhekk.
     
  • Issir kritika li l-ftit drammaturgi li hawn jiktbu għalihom biss u bi stil li jifhmuh huma biss.
     
  • Dwar drammaturgi li jiktbu għalihom biss, ikolli nammetti li ħati. Bi skuża waħda. Meta jien nikteb għalija, għaliex nemmen li bħali hawn ħafna min jifhem it-teatru u japprezza t-teatru,  bħalma nifhmu jien u napprezzah jien. Hawn wieħed jistaqsi – imma kif tifhmu int huwa teatru leġittmu? Il-gosti tiegħek huma gosti personali, jew jirriflettu gosti ta’ bosta oħrajn, ukoll barra minn Malta li nifmhu t-teatru li tifhem int? Jien inħoss li t-teatru li nħobb jien huwa t-teatru li għandu jinħabb mill-maġġoranza,  dik il-maġġoranza li taf x’se ssib meta tmur it-teatru. L-istess udjenza li tmur tara “Broken Glass", li tmur tara “Tħe Memory of Water”, li tmur tara “La Bète” ma se ssib xejn fid-drammi tiegħi li ma sabithomx f’dawn id-drammi barranin.
     
  • Inti tqis lilek innifsek bħala awtur letterarju? Ġieli tintuża l-frażi masturbazzjoni. Kif twieġeb għal din it-tip ta' akkużi?
     

  • Jekk wieħed iqis lil Arthur Miller awtur letterarju, mela jien awtur letterarju. Jekk ”Broken Glass” hija letteratura, “U l-Anġlu Ħabbar...” u “Il-Belliegħa fil-Bir” hija letteratura. Il-periklu hu li hawn ħafna sfortunatament li ħerġin mill-iskejjel tagħna, mill-universitajiet tagħna, ukoll minn skejjel tat-teatru, li qed jiġu mgħallmin, biex jobogħodu l-letteratura. Inħoss infatti li jsir sforz apposta biex speċjalment jekk qed nitkellmu fuq kitba Maltija, din tiġi ppreżentata bl-akbar mod dispreġġativ. Apposta. Il-kontroversja minfuħa, sproporzjonata, kontra l-MQL pereżempju, hija frott l-istess mentalità. Imbagħad hemm il-kontroversja minfuħa falza l-oħra fejn hemm min għandu interess li lill-atturi jġegħelhom jaħarbu mid-dixxiplina li jimponi fuqhom skript. Il-postmoderniżmu huwa skuża, klixè għal dawn it-talin. L-iskuża hi li l-artist teatrali m’għandux bżonnu lill-awtur. Inutli tirrepeti u tirrepeti li l-artist teatrali (attur-attriċi) ħadd ma qed jimponilu li bilfors irid “iċedi” l-integrità tiegħu artistika meta jiddeċiedi li “jinterpreta” skript – kupjun. Għaliex l-aqwa atturi, attriċi tagħna, l-aqwa reġisti, kapaċi jħallu dramm bħal “Broken Glass”, kittieb bħal Artħur Miller, jiblagħho b’ruħhom u ġisimhom – għaliex jissomettu ruħhom għal din it-tiranija? Għax huma artisti “inferjuri” li jħallu biċċa letteratura tiddominahom? Żgur li le. Anzi – hemmħek toħroġ ilħila inkredibbli ta’ l-artisti Maltin, allavolja qegħdin jaħdmu dramm barrani! Xogħol tajjeb ferm bħalma rajna fil-Kavallier ta’ San Gwann dis-sena. IMMA l-mistoqsija forsi għandha tkun, għaliex meta jkun hemm xogħol... letterarju(!) Malti, donnu ma ssibx l-istess entużjażmu – l-istess impenn? Possibli l-artisti teatrali Maltin ma JĦOSSUX tbaqbaq fihom li jinterpretaw,”Broken Glass” ta’ Malti... bil-Malti? Din li tgħaġġbni lili. Forsi l-masturbazzjoni hemmhekk qiegħda. Talanqas kittieb li ‘jimmasturba’ jispiċċa xorta joħloq xogħol oriġinali. Attur, attriċi, direttur, udjenza sħiħa li jaħlu ruħhom kollettivament quddiem dramm barrani, xi jkunu qed jagħmlu? Dik nissugraw insejħulha ‘masturbazzjoni’ wkoll?
     
  • Taħseb però li l-kittieba Maltin tad-drammi aġġornaw ruħhom mat-tendenzi barranin jew baqgħu jiktbu bl-istil Eberjan li llum donnu sar inkubu?
     
  • Personalment jien ma naf b’ebda kittieb li qed isegwi “l-istil” ta’ Ebejer. Kważi, kważi iġġegħelni ngħid,  mhux li kien. Ara, meta tgħid stil Ebejerjan trid qabel xejn tiddistingwi liema stil partikolari. L-istil ta’ Vaganzi tas-Sajf m’għadx hemm loku fit-teatru modern. (opinjoni tiegħi). Allavolja kien hu li heżżeż il-kitba staġnata tal-ħamsinijiet, bidu tas-Sittinijiet. Menz u Boulevard huma storja oħra. Jekk xiħadd ma jiddejjaqx itella’ Waiting for Godot, Tħe Maids jew Huis Clos, m’għandux jiddejjaq itella’ Menz u Boulevard. Mid-drammi “Maltin” ta’ Ebejer, Il-Ħadd fuq il-Bejt huwa dramm “klassiku” li għandu dejjem isib post fir-repertorju tal-Palk Malti. Jekk hemm stil li għadu attwali, ikolli ngħid infatti li huwa l-istil ta’ Il-Ħadd: stil mibni fuq karatrri psikoloġikament sodi, b’referenza sħiħa ma’ qagħda nazzjonali attwali u relevanti. Ovvjament trid taġġorna d-djalogu u s-sitwazzjonijiet. Il-problema li ħafna jsibu llum fid-drammi ta’ Ebejer huma kultant ir-referenzi didattiċii wisq li kellu ħabta jdaħħal Ebejer, meta kultant dak li jixtieq juri fis-sitwazzjoni, fil-karattru tiegħu, flok juriħ, jgħidu. Mhux faċli kultant tinkorpora filosofija didattika tal-ħajja b’mod eleganti u sottili biżżejjed biex lill-udjenza ma tnaffarix. Kultant Ebejer daħħal wisq dak li jien insejħolhom “riflessjonijiet aperti”, fid-diskors tal-karattri tiegħu. Hemm kultant impożizzjoni qawwija tal-feħmiet ta’ l-awtur a skapitu ta’ l-integrità tal-karattru. Iżda jekk tinsa dan, wieħed ikolli ngħid irid iħares lejn il-mudell ta’ Il-Ħadd fuq il-Bejt u jibni fuqu biex jikteb dramm relevanti għas-seklu wieħed u għoxrin. Wara kollox, id-dramm hekk imsejjaħ “soċjali” kien u għadu l-qafas ta’ ħafna mill-kitba impenjata anki ta’ żmienna, ukoll f’pajjiżi bħal ma’ huma l-Amerka, minn fejn jien inħoss sab il-leħma tiegħu Francis Ebejer innifsu fis-Sittinijiet.
     
  • Imma l-kittieba Maltin tad-drammi aġġornaw ruħhom?
     
  • Aġġornaw ruħhom? Tgħid int bħalma għamel Ebejer fis-sittinijiet? Ma nafx ngħidlek. Jien ma naqrahomx id-drammi li jidħlu fil-konkorsi lokali... ma nafx min jaqrahom, jekk mhux il-ġurija! Allura, ma nħossx li għandi l-polz tad-drammaturgu Malti f’idejja. Wara kollox, min għandu? Għodd kemm rajt drammi oriġinali Maltin dawn l-aħħar għaxar snin; mela ma tistax tiġġenerlalizza. Ngħid għalija, ebda kittieb m’għandu jpoġġi biex jikteb jekk ma jaġġornax ruħu.Trid mhux biss tagħmel kors personalizzat ta’ dak kollu li nkiteb f’Malta fl-imgħoddi u dak li nkiteb barra (u mhux l-Ingilterra biss) imma trid kontinwament tkun taf x’inħu jinkiteb barra. Dan trid tagħmlu – m’hemmx dubju. Mill-banda l-oħra, il-pubbliku jinsab aġġornat? Fuqiex qed jitrawwem drammatikament il-pubbliku – bid-drammi tal-massa? Jekk ngħidlek li bosta mid-djalogu li naraw illum ma’ jogħliex ‘il fuq minn dak tar-radjudrammi ta’ ħamsin sena ilu, temminni? Jekk ngħidlek li s-sitwazzjonijiet huma meħudin mill-kupjuni tat-telenovellas ta’ barra, u mhux mil-ħajja tagħna ta’ kuljum, temminni? Jekk ngħidlek li jintuża diskors baxx biex jgħolli l-livell... modern, aġġornat (!) tal-kitba (u naqilgħu daqsxejn kontroversja) u biex kulħadd iċapċap.... Imbagħad tipprova ddaħħal diskors realistiku f’sitwazzjonijiet fejn forsi jitlob dan id-diskors, u issib ġurija li tiskwalifikalek id-dramm tiegħek minħabba diskors vulgari. Dan ġara lili fl-1999. U issa, donnu b’reazzjoni, infetaħ il-vit tad-diskors vulgari. U d-dramm tiegħi għadu fil-kexxun, minħabba diskors vulgari!
     
  • Tara fejqan għall-problema teatrali billi jkollok kittieb impjegat ma' kumpanija teatrali li jikteb skond l-eżsigenzi? Ngħidu aħna, l-kumpanija tixtieq dramm dwar il-midja u d-drammaturgu jikteb skond dik l-eżiġenza? Jew il-kittieb tkun qed teqirdu?
     
  • Li kittieb ikun jaħdem id d'id (mhux impjegat) ma' kumpanija teatrali tista' tkun soluzzjoni ideali biex tnaqqas dik li wieħed jista' jara bħala firda bejn il-kittieb iżolat (imma mimli bl-idejat personali artistiċi tiegħu) u l-kumpanija teatrali li hi ukoll iżolata tipprova tifhem (tinterpreta?) dak li l-kittieba qed jgħadduluhom mill-iżolament tagħhom. Inħoss li hawn kumpaniji li m'għadux jgħaddilhom minn moħħhom jippruvaw isibu x'qiegħed jinkiteb, jew għax diġả qatgħu qalbhom li m'hemmx min qed jikteb, jew għax "inħarqu" xi darba b'xi produzzjoni Maltija li marret żmerċ. (Jew għal xi raġuni oħra li m'għandha ebda bażi artistika). Aktar milli jikteb għall-eżigenza nara li hemm lok li kittieb FLIMKIEN ma’ atturi, direttur, joħolqu bejniethom dak li jridu jijterpretaw. Ħafna drabi kumpanija li jippruvaw jaħdmu għal rashom (mingħajr kupjun preordinat) jippruvaw joħorġu dak li jridu jgħidu permezz ta' worksħops, working sessions, eċċ, biss inħoss, li fl-aħħar mill-aħħar ma tkunx idea ħażina li f'xi ħin jew ieħor jindaħal kittieb li jidħol biex jagħti sura aktar formali ta' dak li jkun inħoloq. Jiena nħoss u nħoss ħafna, in-nuqqas prattiku u l-feedback li jista' jkolli minn atturi jew reġisti dwar dak li qed nikteb. L-idea ta' work in progress fejn l-awtur għandu min jidderiġih (u jikkritikah artistikament) inħoss li għadha ma sabitx postha fix-xena teatrali lokali. U hemm b]onnha. L-awtur għandu bżonn l-atturi, ir-reġisti, daqs kemm l-artisti għandhom bżonn... kupjun li jurihom viżżjoni teatrali (skript) li għandhom iħabirku għaliħa. Kittieb li jaħdem id f'id ma' kumpanija teatrali, li jikteb skond l-eżiġenzi, mhux bilfors teqred l-awtur. Jiddependi minn jekk hu nnifsu hux konvint minn dak li se jikteb fuqu, jiddependi mit-temperament personali tiegħu jew tagħha. Kien hemm żmien meta kelli okkażżjoni nagħmlu dan. Ix-xogħol li ħareġ kien "prattiku" u leħaq l-iskop tiegħu. Kien irnexxa, però meta wara nġabar il-materjal, l-idejat kollha, fl-aħħar għaqqadt kollox jien waħdi f’att uniku.
     
  • Il-pubbliku jaċċettah dramm Malti sakemm ma jkunx Simpatiċi, Ipokriti, F'Baħar Wieħed jew Villa Sunset?
     
  • Edward Albee kien qal li Broadway “is run by cowards":  jagħtu lill-pubbliku dak li jafu li mhux se jtellifhom l-flus. Il-medja lokali wkoll "is run by cowards". Jekk il-poplu ddarrih jara dramm Malti billi ttih l-Ipokriti, togħma ta' Ipokriti se jkollu meta jixgħel it-television. Meta l-MTV (fl-1972) tellgħuli d-dramm "assurd" Anestesija - hezzez lill-pubbliku Malti kollu. Xi ftit (li jifħmu?) faħħruh - oħrajn kitbu li riedu "jobżqu f'wiċċ" min iddeċieda li jħalli d-dramm jitla’ fuq it-televiżjoni fl-okkażżjoni ta’ l-għaxar anniversaru ta’ l-MTV. Oħrajn kkonslaw ruħhom u qalu li dan xogħol tajjeb biss għaż-żibel u b'xorti tajba... jintesa malajr. Imma l-MTV ta' dak iż-żmien kellhom il-guts jippruvaw jolqtu gosti differenti. Inħoss li llum ebda stazzjon tat-television Malti (u forsi lanqas barrani) ma hu lest jaljena mqar telespattatur wieħed. Jien inħoss li hemm pubbliku lest jara dramm Malti tajjeb. M'hemmx però min lest jimmira għal udjenza ridotta. Din l-istess udjenza ridotta però taf tikber kieku tibda turihom li hemm drammi Maltin tajbin - jekk iddarrihom it-togħma. L-MTV ta' tletin sena ilu kien jagħtiha din id-doża, talanqas darba f'xahar; nistgħu ngħidu l-istess illum - meta għandna dawn l-istazzjonijiett Maltin kollha?. Ir-radjijiet nistgħu ninsewhom. Fejn qabel kienu is-sinsla tad-dramm Malti... illum anqas skeletru ma ssibilhom.
     
  • Il-Cultural Policy tal-Minsteru ta' l-Edukazzjoni qed tipproponi Kumpanija Nazzjonali tad-Drama għal dan l-istaġnar. X'taħseb?
     
  • Naħseb li l-Cultural Policy aktar qed tinsisti li jkun hemm Programm Nazzjonali għat-Teatru Malti. Li jkun hemm madankollu Kumpanija Nazzjonal li tieħu f'idejha dan il-programm hija soluzjoni wkoll. Li jkun hemm Kumpanija li jkollha repertorju deċenti ta' drammi Maltin li twassalhom il-Manoel, twassalhom fl-irħula (bil-kollabarazzjoni ta' l-għaqdiet u Kunsilli ċiviċi, li twassalhom ukoll fuq it-televiżjoni, tista' saflaħħar forsi ġġib l-Palk Malti fuq saqajh. Ma nifhimx għaliex donnu xiħadd jassumi li dan il-proġett b'xi mod se jxellef dak li jtella' t-Teatru Manoel. Jien narah il-kontra - dak li joħroġ minn dan il-programm nazzjonali għad-drama għandu jieħu l-post ta' l-unur fit-Teatru Manoel. Ikun kumplimentari għal dak li joffri l-Manoel - Il-Teatru Nazzjonali! Min qed jara xi kontradizzjoni hawn? Naturalment, hemm mudelli oħrajn li jistgħu jiġu meqjusa. Ngħidu aħna, xiħaġa fuq il-mudell tan-National Endowment for the Arts, l-Amerka, li tipprovdi fondi għal xogħol li jistħoqqlu jittella'. Jista' jkun hemm fondi għal works in progress kif semmejt qabel, jista' jkun hemm fondi għal korsijiet, boroz ta' studji. Jista' jkun hemm bosta għazliet. Jista' jkun hemm fondi għal "writers in residence" - fil-Manoel (!) fl-Università, fl-iskejjel tad-drama. Imma għaliex malli ngħid dawn l-affarijiet diġà nibda nħoss ibejjet l-antagoniżmu ta' min propju jmissu jifraħ b'dawn il-passi pożittivi għax hu responsabbli mill-kultura tal-pajjiż? Għaliex jitqajmu l-irwiefen propju minn min suppost ilu jaħdem proattivament biex propju dan jibda jseħħ?
     
  • Għax, kif taf, kien hemm min jakkuża li dan il-pass jista' jfalli għax tispiċċa klikka tippromovi oħra. Jew hu l-kas li Malta dejjem naraw il-klikkek fejn ma jeżistux?
     
  • Jekk nies li jaħdmu flimkien jissejħu klilek, Malta... ma tantx hawn klikek! Jekk qed nitkelmu fuq nies li jaħdmu flimkien, imma jeskludi lil xiħadd ieħor li jista’ jaħdem magħhom, Malta mimlija klikek! Xi trid tagħmel? Jalla dawk li jiġu magħżulin biex imexxu dan il-Kunsill Nazzjonali jkunu konxji ta' dan u jagħrfu jagħżlu min l-ewwel nett huwa artistikament ġenwin, imma wkoll li ma jaħdimx bil-klikek, min juri li ma jaħdimx bil-preferenzi, bl-interessi personali, bi preġudizzju politiku. Fuq kollox jien nemmen li ħadd ma għandu jiġi mqiegħed fuq xi tron għal għomru. Il-bidla fit-tmexxija għandha tkun "built-in" fis-sistema. Il-membri tal-Kunsill ta' l-Arti għandhom jinbidlu regolarment, kull sentejn tlieta, ħalli mbagħad jekk juru ħila straordinarja jerġgħu jingħtażlu aktar ‘il quddiem. Xejn m'hemm li joqtol inizjattiva hekk totalment daqs kemm xiħadd jew xi wħud li ma għandhom ebda xprun li jġegħelhom ikomplu jagħtu mill-aħjar tagħhom għax posthom huwa garantit għal għomorhom. Barra minn hekk, ukoll jekk xiħadd ikun irid ikompli jagħti mill-aħjar li jista’, jiġri, inevitabilment, li jiġi ż-żmien li dak li kellu jagħti, issa tah u hemm bżonn li jċedi postu.
     
  • Biex jitla' dramm irid jittella' bilfors il-Manoel? Spazji oħra qed ikunu kkunsidrati fid-diskussjoni teatrali 
     
  •  Le, il-Manoel mhux l-uniku post. Imkejjen oħra hemm u għandu jkun hemm aktar ukoll forsi. Il-kwistjoni Manoel però hi jekk dramm Malti ma għandux ikollu l-post ta' l-unur fit-teatru Nazzjonali tagħna, mela fejn għandu jkun il-post ta' l-unur? Il-kwistjoni Manoel hija sempliċement għaliex jinħass li t-teatru nazzjonali tagħna jista' jagħti aktar spazju għad-dramm Malti. Jista' jkun ferm aktar proattiv. Jista' fuq kollox ibexxaq il-bieb biex jidħlu kittieba oħra barra l-veru ftit li donnhom saru ta' ġewwa, jew jidħlu mill-bieb ta’ wara. Pereżempju, smajt li l-Manoel lest jonfoq erbgħin elf lira biex titla’ opra - ċert li l-figura (li ma nafux kemm hi) li jonfoq fuq dramm oriġinali Malti hija komparattivament minima! Fuq kollox, jekk tassew jinħass li l-Palk Malti għandu bzonn spinta, se jaqa’ s-saqaf tal-Manoel jekk ngħidu aħna ninsew l-opra għal staġun wieħed u nisponsorjaw festival tad-dramm Malti? Għalhekk proġett bħal LoġġaPalk (bil-ħamsin lira sponsorship tal-Friends of the Manoel) kultant jidher li qed  nippruvaw inraqqu l-pannu bil-qargħa aħmar. Allaħares din hi l-proattivtà kollha li kapaċi niġġeneraw favur dramm Malti! U allaħares nieqfu hemm!
     
  • Kieku kellek tikteb xogħol bl-Ingliż taħseb li kumpanija teatrali lokali ttellgħuh jew il-problema hi għax awtur Malti?
     
  • Min jaf. Tkun mistoqsija f'waqtha li tistaqsi lill-kumpaniji lokali. Naħseb wasal iż-żmien li xiħadd jara x'inħu l-aktar li jaqta’ qalb il-kumpaniji tagħna biex itellgħu dramm Malti, kif nistgħu ngħinuhom aktar.
     
  • Kemm inti personalment lest li tilqa' kritika minn nies li jsejħu lilhom infushom tat-teatru?
     
  • Il-kritiċi hemm bżonnhom. Mhux dejjem se jogħġbok dak li jgħidu. Ma nimmaġinax li jekk jagħmlu xogħolhom tajjeb, kif xi ftit jagħmlu, se jkollhom xi ċirku wiesa’ ta' popolarità. Però mingħajrhom m'hemm ebda kejl kredibbli. Jien nixtieq li jkolli kritika minn kulħadd. Anki min-nies mhux tat-teatru. Anzi, sakemm dak li jkun veru jgħid dak li jħoss nilqagħha bl-akbar pjaċir. Xejn xejn forsi ninduna li jmissni nfittex udjenza oħra. Jekk ma nismax lil min sinċerament jurik kif jirreaġixxi hu għall-kitba tiegħek, kif nista' nħoss il-polz ta' l-udjenza? Veru, kultant ninduna li min qed jikkritika għadu hu stess ma kienx espost għat-tip tax-xogħol li qed turiħ. Però dan xorta jgħinek. Iġiegħlek tistaqsi lilek innifsek - min hi l-udjenza (potenzjali) tiegħi?
     
  • Xi tkun ir-reazzjoni tiegħek jekk xi ħadd jgħidlek: Le, dan dramm mhux tajjeb.
     
  • Li ma niħux gost nara hu li xiħadd li ma hux midħla tat-teatru jippretendi li jarmilek ix-xogħol tiegħek u fuq kollox jippretendi li l-ġudizzju tiegħu biss jgħodd!  U mbagħad tistaqsih x'qara mix-xogħol tiegħek u tinduna li ma jaf xejn fuqhom! Xorta però - nippreferi mitt darba li dak li jkun jurini x'taħseb fuq id-drammi tiegħi. Il-prosit, prosit foloz ma nistax insarrafhom f'xogħol aħjar. Jekk xiħadd jgħidli dan dramm ħażin għandi alternattiva: jew naċċerta ruħi li dak li jgħidli hekk veru jemmen li qed jgħid, L-ewwelnett naċċerta ruħi nistax nafda l-ġudizzju tiegħu,  jekk le, faċli niskartah u nkompli sejjer,  jekk iva però, nistaqsi lili nnifsi - kemm hawn li jaħsbuha bħalu? Jaqbilli nibda nikteb biex din il-maġġoranza tapprezani? Jew niddeċiedi li nibqa' nikteb l-istess... għal udjenza ridotta, udjenza li forsi qatt ma se tgħid prosit. Li qatt ma se ssemma' leħinha?
     
  • Kemm hi importanti l-udjenza l-għalik?  
     
  • Aħna rridu niddeċiedu darba għal dejjem: bilfors dak li tippretendi l-udjenza dejjem jgħodd? Aħna għandna r-responsabbiltà li nippretendu li l-udjenzi tagħna jkunu impenjati daqs kemm nippretendu li jkunu impenjati l-kittieba u l-atturi. Jekk l-udjenza trid tkun għażżiena u mitluqa, għaliex għandhom jippretendu aħjar mill-kittieba? Dan jidħirli li hu ċirku vizzjuż.

     
    Oreste Call

                                                                                                                                         Minn "IL-FESTA BIL-BANDIERI"

PALK MALTI KONTEMPORANJU

NOTI BIJOGRAFIĊI               DRAMMI  BIKRIN               DRAMMI   REĊENTI               PUBBLIKAZZJONIJIET              ARKIVJU