Il-mewt irriversibbli.
Il-mewt irreversibbli
tar-radjudramm fi tmiem is-seklu li għadda kienet telfa li tat daqqa
kiefra lil kreattivita' tax-xogħlijiet drammatiċi u wasslet ukoll
għat-telfa ta’ bosta kittieba.
Ħasra li kittieba għall-palk u
t-televiżjoni jidher li qed isibuha diffiċli jisbqu l-inġenjożita',
il-konsistenza u l-udjenzi dedikati li bihom kienu mgħonija dawk li
ħadmu fir-radjudrammi fis-snin tad-deheb tar-Rediffusion.
Wieħed jista'
forsi jittama li mill-paġni ta’ “Għażiż Angelo”
u "Skużi ta" wieħed jipprova japprezza dak li
missirijietna kienu tant jogħxew bih u jiġġudika kemm dan l-apprezzament
huwa minnu jew le jew hix sempliċement kwistjoni ta'
nostalġija.
|
Il-Lingwa fil-Limbu.
L-istess bħalma
“Għażiż Angelo”
għandu t-tema tal-mużika bħala sfond u huwa mlaqqam bħala intermezz,
“Skużi ta” hija
“scherzo” – jew divertiment radjufoniku fejn Calleja jdaħħalna fil-limbu
fejn tgħix il-lingwa mitħaddta lokalement illum, bejn Malti-Ingliż,
Malingliż u Ingliż. Id-dramm originali bl-Ingliż
("Excuse
me, are those tour eyes?")
kien imlaħlaħ bi djalogu sparodiku bil-Malti waqt li t-“traduzzjoni”
tad-djalogu issa baqgħet essenzjalment bl-Ingliż – jew l-Ingliż kif
mitħaddet mill-indiġeni Maltin — imlaħlaħ bl-istess djalogu sporadiku
Malti. L-awtur impenja ruħu biss li jittraduċi d-didaskalija u l-effetti
tekniċi — id-djalogu wara kollox jixhed il-kakofanija lingwistika
abbord karozza tal-linja bit-taħlita ta’ passiġġieri lokali u barranin
imħaxknin flimkien kif wieħed jistenna li jsib tul xtutna fis-sajf. Li
jipprova jagħti Calleja hija impressjoni akustika u kaligrammateska ta’
kif ninstemgħu, u kif nikkomunikaw, satira sottili li aktar milli
tipprova tistaqsi “Għandekx għanjejn f’wiċċek?”, forsi trid tistaqsi
“Qed tisma’ sewwa x’int tgħid?”. |