|
Il-ktieb ġdid 'ERBA DRAMMI' li għadu kemm ħareġ Oreste
Calleja (pp. l88, Stamperija Nazzjonali, l972) huwa żieda mixtieqa u
mistennija għall-qarrejja tal-kitba ta' żmienna. Fost in-nuqqas ta'
drammi, il-volum ewlieni tal-awtur żagħżugħ huwa awgurju ta' bilanċ
u ta' toroq oħra għat-teatru tagħna.
Il-ktieb jiġbor ir-radjudramm "Anestesija" li
xxandar għall-ewwel darba minn fuq ir Rediffusion fl-l969, u li bħalissa
r-reġista żagħżugħ bravu Albert Marshall qiegħed iħejji biex jippreżentah
f'sura televiżiva; "Ċens Perpetwu", dramm f'żewġ atti li nħadem
fuq l-MTV f l-l97l; "Satira", radjudramm li deher adattat
għall-palk fit-teatru tal-Universita' fl-l97l; "IġsmaIħirsa", dramm
li deher fit-teatru msemmi fl-l97l ukoll.
F'"ANESTESIJA" hemm l-ambjent misterjuż tal-ironija
li jitnissel mill-irqaqati naturali li jiġu mrażżna bi programm.
L-għemejjel l-iżjed ħfief u spontanji li jieħdu s-siwi tagħhom sewwa sew
mill-mod naturali kif jitwieldu, isiru ħaġa tad-daħk għaliex jintrabtu bi
programm sistematizzat u maħsub fil-ħin u l-irqaqat tiegħu isiru ritwal. U
l-ġenn ta' din l-azzjoni huwa l-qtil tar-raġuni nnifsha.
Calleja ma jiżviluppax dan l-ambjent fih innifsu bħala
għan, iżda biss bħala mixja lejn punt meta d-daħla realistika tad-dramm
tkun tista' twarrab fil-waqt xieraq biex jintlaħaq il-livell simboliku
tal-aħħar u l-aqwa taqsima.
Fir-radjudramm hemm għadd ta' ċrieki fi ċrieki li jolqtu
l-karattri kollha, l-iżjed lit-Tifel u lill-Buffu. Hemm il-ħin kollu
ironija drammatika li donnha tistaqsi kemm huwa kbir l-interess f'xulxin
tal-bnedmin, u kemm hu miftiehem tajjeb.
Il-livell ta' "ĊENS PERPETWU" huwa wisq eqreb
lejna, anzi hu sewwa sew il-livell tal-għixien tal-bnedmin komuni, bla
fama, bla flus żejda. Għalhekk il-ħsieb hu mfisser mill-bidu sa l-aħħar
fis-sura reali tiegħu, mingħajr tixbihat imfittxa mill-fantasija. Il-kelma
issa tiswa biss għall-ħoss tagħha li jfisser xi ħaġa li tiftiehem
mill-ewwel.
Minn hawn ġej it-ton kollokju, naturali, nieqes mill-binja
letterarja li tixraq f'waqtiet oħrajn. Il-kostruzzjoni ta' Calleja f'dan
id-dramm hija dik tal-poplu komuni li tgħallimha bit-tiġrib u mhux
bl-għerf. Jiġifieri hija maħlula, titbiddel il-ħin kollu, mimlija
esklamazzjonijiet. Studju itwal kien iħallina ngħarblu s-soleċiżmi
imħaddma biex isaffu għal kollox lilsien f'fomm il-popolin mill-bixra
mirquma, u l-idjotiżmi li bihom l-awtur, fl-isforz realista, jitbiegħed
b'mod idjomatiku mil-liġijiet grammatikali u joħloq stqarrijiet mitkellma
fejn ir-rabta loġika ħafifa tagħmel tajjeb għar-rabta grammatikali li
tonqos.
L-isfond tal-ewwel att huwa t-tifkira tal-mewt tax-xiħa;
l-isfond tat-tieni att huwa l-mewt innifisha tax-xiħ. Id-dinja tax-xjuħija
hija d-dinja tal-mewt. Id-differenza, madankollu, hija wisq akbar;
fil-bidu l-mistennija tal-mewt ħolqot tama, jew illużjoni awtentika ta'
flus, waqt li l-mewt innifisha ġibithom wiċċ imb'wiċċ mar-realta'.
Reġġgħethom 'l ura, għaliex kixfitilhom il-faqar ta' bniedem li ma kienx
aħjar minnhom. U hawn tinħass il-ħtieġa ta' illużjoni oħra.
Jekk, imbagħad, din l-illużjoni ma tirnexxix, hemm
l-istint żviluppat tal-biża' u t-twemmin fieragħ tal-poplu li, jekk ma
jqanqalx flus mill-ewwel, iqanqal devozzjoni li tista' twassal għall-flus.
L-għan ta' Calleja ma huwiex li jerġa' juri l-interess finanzjarju, iżda
li jikxef mill-ġdid it-toroq ġodda li jsib moħħ il-bniedem komuni biex
tinħoloq l-illużjoni.
Il-konklużjoni tal-awtur donnha tagħtik x'tifhem li għalih
l-illużjoni hija droga meħtieġa f'bosta każijiet, fosthom il-qasam
reliġjuż lokali fejn is superstizzjonijiet u l-fehmiet imgħawġa ta' min
imexxi għandhom toqol fuq moħħ l-injurant. Fil-każ ta' poplu sħiħ u mhux
ta' ftit individwi wieħed x'jaqbad igħid, fid-dawl tad-dramm ta' Calleja?
Hekk donnu jissuġġerixxi l-awtur bit-taħlit tal-ħoss tal-qalb stunat
tal-"Maltija" fit-tmiem.
"X'inhi r-rabta bejn l-awtur u l-attur tiegħu? L-ewwel
battuti ta' "SATIRA" jdaħħlu din il-mistoqsija Pirandelljana li
donnha hija simplifikazzjoni tat tilwima dejjiema ta' bejn l-awtur,
l-attur u l produttur. Id-daħla tal-Awtur, madankollu, m'għandhiex għan
tekniku li jgħarbel problemi teatrali. Anzi dan l-aspett huwa mressaq
f'għamla ironika minħabba t-ton għoli u mkabbar tal-karattru.
II-kostruzzjoni klassikeġġjanti u taljanizzata ta' kliem
l-Awtur (wieħed mill-karattri) hi l-libsa barranija tal preġudizzju Ij
Calleja donnu jrid jixħet fuqu. Ma huwiex il-preġudizzju ta' awtur fuq
l-idea tal-awtur innifsu, iżda dwar x'jista' jirrappreżenta "awtur" bħala
wieħed mill-atturi ta' dramm.
It-tweġiba ma tittiħidx mill-verbożita' satirika tiegħu tul
dak kollu li jgħid. Tittieħed aktar mill-għażla li titnissel bejn l-atturi
u l-Awtur minħabba l-preżenza fosthom ta' dan l aħħar. Iżda fil-fatt huwa
m'huwiex wieħed minnhom, anzi huwa l-kawża ta' ħsibijiet u mġibiet oħra.
X'inhu l-attur, u kemm jista' jibqa' bniedem sħiħ fuq il-palk? Forsi
l-mistoqsija ta' Calleja hija iżjed qawwija: tas sew li l-bniedem huwa
attur?
Ma' din il-punt ewlieni jitħalltu oħrajn iżjed 'il
quddiem. X'inhi l-konklużjoni ta' Calleja? Il-bniedem jispiċċa biex
jintilef f'dan l-oċean lj jitbiddel il-ħin kollu, u jitlef lilu nnifsu,
bħal ma għamel l-Astronomu li sar Bekkamort. Jew se' jibda jqis b'qisu u
b'mod matematiku li jneżżgħu mis-sentimenti?
"IĠSMAIĦIRSA", marbut
mal-kummiedja tal-arti bi ħjut kurjużi, ma tistaqsix x'kienu l-valuri
tal-ġeneru letterarju li nibet fis-seklu ħmistax u baqa' jgħix sa żmien
Goldoni. Jinqeda bih biex isawwat il-bniedem ta' llum. Il-pupi ta' Calleja
fihom xi ħaġa iżjed mill-klassifikazzjoni tal-kummiedja tal-arti.
Huma tip, imġebbdin biex jidher fihom in-nuqqas ta' ruħ
umana. Iżda fihom hemm ukoli element simboliku ta' tfulija dejjiema. Hija
tfulija mixtieqa, jew hija n-nuqqas ta' ħila tal-bniedem - il-bniedem fih
innifsu - li jkun huwa nnifsu, kif jixtieq u jrid? L-element Pirandelljan,
imbiegħed kemm huwa mbiegħed, jinħass sewwa f'Calleja. Kemm bħala pupi
tipiċi, u kemm bħala bnedmin li ma jistgħux isibu lilhom infushom, dawn
il-karattri huma mbiegħda mill-ħajja. Anzi forsi m'għandhomx ħajja, waqt
li jaħsbu li għandhom. U logħob u l kliem ta' bejniethom huma mbiegħda
minn kulma hu verosimili, u m'għandhom l-ebda siwi fl-eżistenza. U hawn
tinsab l-ironija: ma jistgħux jifhmu f'liema qagħda jinsabu.
L-għeluq li jiġi wara dramm li juri dramm ieħor li ma
bediex juri t-tifsira universali ta' Calleja fl-aqwa tiegħu. Huma
l-bnedmin li se' jeħodhom in-ngħas, u huma u jorqdu jiftakru fix-xewqat
tagħhom mhux maqtugħa. X'seta' kien issa ma jgħoddx aktar. Tgħid
il-bniedem għandu okkażjoni waħda biss? Hekk jissuġġerixxi l-awtur sa
fl-aħħar, iżda sakemm wasal għal dan il-punt, kellna naraw lill-karattri
jitilfu l-individwalita' tagħhom (jekk qatt kellhom) u jsiru biċċa waħda
mill-ambjent; rajniehom jintrabtu ma' xulxin b'mod li ma stajniex
nagħżluhom. Rajniehom iqumu minn nagħsa, iżommu l-maskra, juru ħjiel ta'
ruħ umana li hi ħajja iżda li ma kibritx.
Id-dinja sewdiena tad-dubji ta' Oreste Calleja, kif jidher
minn dawn il-kummenti, għandha l-ħjut ewlenin tagħha mabutin bejn kull
dramm. L-ebda dramm m'hu maqtugħ minn ieħor. Hemm konvinzjoni waħda
f'għamliet differenti. Hemm l-istess dinja, bl-istess bniedem, bl-istess
problemi, iżda f'qagħdiet li jvarjaw, għad li jixxiebhu. Din hija l-unita'
taI-awtur li madankollu biż-żmien għad jista' jħares lejha minn naħiet
oħrajn, billi jnaqqas il-ħjut li jorbtulu xogħol ma ieħor.
Barra dawn
l-erba' xogħlijiet, Calleja, li twieled fl-l946, għandu għadd ta' drammi
oħrajn jistennew li jixxandru. Sakemm dawn jaslu fl-idejn il-qarrejja
jagħmlu tajjeb jagħtu ħarsa lejn triq teatrali oħra tal-palk Malti.
Il-ktieb, imżejjen b'disinn tal-awtur innifsu, u mżewwaq
b'ritratti tal-ewwel preżentazzjoni ta' kull dramm, jinsab għall-bejgħ
għand A.C. Aquilina. Valletta, u għand librara ewlenin.
IN-NAZZJON TAGĦNA - It-Tnejn, l9 ta' Ġunju, l972
|