"ĊENS PERPETWU"
Intervista

   


IT-TEATRU TA'
ORESTE CALLEJA

                         NOTI BIJOGRAFIĊI                         ID-DRAMMI                         PUBBLIKAZZJONIJIET                            ARKIVJU

 

 

ORESTE CALLEJA
u 4 DRAMMI


 
     

Intervista minn Louis Casha dwar "Ċens Perpetwu"
 

  

 

 

 

 

 

 




 

 

"Nemmen li Ċens Perpetwu mhux biss jikxef parti sew mill-qagħda soċjali ta' Malta f'tarf is-sittinijiet iżda hu wkoll dramm li joffri divertiment qawwi jekk isib udjenza għandha kultura biżżejjed li tanalizza dak li jrid iwasslilha Calleja"

M. Ismek illum hu sinonimu mal-ktieb 4 Drammi. Kif u meta bdejt tikteb id-drammi?
T. Naħseb li l-ġibda tiegħi lejn il-palk tmur lura sa żmien tfuliti.
Jien u ħuti, bħal tfal oħra, dejjem konna ndaħħlu fil-logħob tagħna xi għamla ta' reċtar - kemm meta konna nilgħabu bis-suldati taċ-ċomb jew tal-plastik, kemm meta konna nivvintaw xi stejjer biex inpinġuhom u nagħmluhom f'komiks, kif ukoll, u speċjalment, għall-ħabta tal-karnival meta niftakar kont nagħmel palk żgħir b'xi kaxxa tal-kartun taż-żraben, inpinġi x-xenarju kif ukoll il-karattri fuq il-kartun, u mbagħad nvvinta u nikteb xi storja biex nirreċtawha bihom. Dak iż-żmenijiet, qed ngħid għas-snin ħamsin u l-bidu tas-sittinijiet, iż-ziju tagħna Oreste Chircop kien qed jagħmel isem bħala tenur fuq il-palkijiet tad-dinja kollha u naħseb li ma setax jonqos li dan kompla jiġbidni lejn it-teatru. Kien però bosta snin wara, meta kelli xi dsatax-il sena u konna xtrajna tejprekorder li ġietni l-idea li nikteb xi dramm ċkejken u noħloq parti għal kull wieħed minn ħuti biex imbagħad nagħmluh fuq it-tejp. Ġara iżda li tant inħkimt minn din il-biċċa xogħol, u tant sibt ruħi neħodha bis-serjetà li bil-mod il-mod insejt l-għan oriġinali li għalih bdejt nikteb u spiċċajt xhur wara billi ktibt l-ewwel dramm tiegħi għar-Rediffusion. Dak iż-żmien biex wieħed jissottometti radjudramm kien jeħtieġlu li l-ewwel jibgħat "synopsis" tad-dramm u xi paġni ta' djalogar u jikteb d-dramm sħiħ wara li jirċievi l-approvazzjoni tad-Drama Panel. Minn dak l-ewwel radjudramm li ktibt jien qatt ma stajt insegwi din is-sistema għax dejjem ridt nara d-dramm lest meta darba nkun bdejt niktbu.

M. X'kienet il-pożizzjoni jew il-qagħda letterarja tad-dramm Malti meta bdejt tikteb l-ewwel xogħol tiegħek ?
T. Għalkemm m'ilix għajr ftit xhur  lura Malta, milli nista' nifhem, u minn dak li jgħiduli, jidhirli li l-qagħda attwali tad-dramm Malti ma hiex wisq differenti minn dik ta' għoxrin sena ilu. Bid-differenza forsi li dak iż-żmien kien hemm aktar ħeġġa fost il-kittieba żgħażagħ milli jidher li hawn illum. Waqt li fl-iskola konna nistudjaw "II-Fidwa tal-Bdiewa" ta' Ninu Cremona u d-drammi ta' Ġuże Aquilina, b'Ġuże Diacono u Francis Ebejer il-Palk Maltl kkontemporizza ruħu radikalment. Minbarra li dak iż-żmien ir-Rediffusion kien mezz tabilħaqq aċċessibbli għal kull min kien jitħajjar jikteb dramm, kien hawn ukoll bosta għaqdiet, kemm letterarji u kemm tejatrali li kienu attivi ħafna. Barra serati organizzati minn għaqdiet bħall-Moviment Qawmien Letterarju, kont issib ukoll pereżempju l-preżentazzjonijiet "Xsenuru" imtella' mill-"University Players." Dawn kienu jkunu aktarx ta' xejra avangardista u aggressiva u frott ta' ħidma intensiva, kemm ta' atturi, kif ukoll ta' diretturi u kittieba li tista' tgħid illum jiffurmaw parti essenzjali mill-Palk Malti attwali. Għalija li ili sbatax-il sena maqtugħ mix-xena lokali, diffiċli nagħraf illum l-ilħna ewlenin ta' dawk li ġew wara.

M. Niġu għal "Ċens Perpetwu" - xi kwalità ta' dinja soċjali ridt toħroġ bis-saħħa tal-karattru tax-Xiħ li tul id-dramm kollu lanqas ilissen kelma waħda biss?
T. Aktar milli x'ridt noħroġ, wieħed forsi jista' jgħid x'ħareġ fil-fatt. Ma naħsibx li kelli 'a priori' xi teżi speċifika li ridt nelabora. Jekk l-ambjent ta' "Ċens Perpetwu" juri ċertu telfien ta' identità, jew egoiżmu u kilba għall-flus, dawn ħarġu għaliex kienu inerenti fin-nisġa tal-istorja u fil-karattri nfushom. Ma jfissirx li ma kenux jeżistu wkoll fl-ambjent soċjali u lokali ta' żmieni. Bħalma għadhom illum. Jekk ix-Xiħ ma jitkellimx forsi jista' jkun għax ma jistax - jew għax għalih mhux 'val la pena" li jitkellem aktar. Bħala eks-politikant - u hawnhekk nixtieq niċċara li jeżistu politkanti ġenwini, talanqas fid-dinja tiegħi, forsi jinduna li l-valuri li għalihom iddedika ħajtu m'humiex apprezzati jew mifhuma aktar mill-ġenerazzjoni ta' Fonzu u Roża, waqt li lil Fredu, li wara kollox jimmedeżima l-'prodott' tal-ġenerazzjoni ta' dawn l-aħħar tnejn, ma għallmuħx is-siwi tal-valuri tax-xjuħ li ġew qabilhom. Pero' huwa għadu żagħżugħ biżżejjed biex jintebah li hemm xi ħaġa nieqsa f'ħajtu. Forsi għax iħoss in-nuqqas ta' ħolm ta' ġejjieni aħjar? Jekk imbagħad nieħdu I-iżgħar karattru tad-dramm, it-Tifel, naraw li dan, għax għadu 'ġdid'. jew bla ħażen, jaf bla ħadd ma jgħidlu x'inhuma l-veri valuri tax-Xiħ. Forsi istintivament jaf ukoll li x-Xiħ ma mietx (spiritwalment?). Għalhekk ipoġġi l-kwadru fuq sider il-mejjet? L-istqarrija tiegħu li “in-Nannu rxoxta!" pero' mill-banda l-oħra turi li huwa wkoll diġa' ittieħed mill-injuranza tal-ġenituri. Forsi għalih ukoll diġa' tard wisq.

M. Allura jekk Fonzu jirrapreżenta l-ġenerazzjoni bejn dik xiħa u dik żagħżugħa, nistgħu inqisuh bħal n-negozjant tipiku Malti f'tarf is-sittinijiet?

T. Mhux neċessarjament negozjant biss, jew fi żmien is-sittinijiet biss. Fonzu huwa pjuttost kwalunkwe bniedem li jgħid "Imiss lili issa. Ingawdi jien, issa." Il-famuża generation gap hija aktarx effimera u illużorja. Ix-xiħ ta’ llum mhux wara kollox għajr iż-żagħżugħ ta' 'l bieraħ. L-egoiżmu t-tnejn jifmuh. U meta l-valuri jintilfu, l-egoiżmu jirbaħ. (jew viċi-versa?) Għax kemm fi Fredu u kemm f'Fonzu hemm ċerta ferneżija ddisprata - xiħaġa li waslet biex tixpakka. Iż-żmien huwa t-tmiem tas-snin sittin, il-bidu tas-snin sebgħin. Id-dilluvju m'huwiex ‘il bogħod għal Malta. Forsi kont prużuntuż meta ddedikajt dad-dramm "Lil Malta". Imma żgur messni żidt "...B'sogħba".

M. It-tama ta' titjib fil-qagħda finanzjarja toħroġ I-aktar fil-karattri ta' Fredu u Roża. Din ħriġtha biex turi li l-ħajja żagħżugħa tfittex ħajja finanzjarja dejjem aħjar minn dik ta' qabilha?
T. Naħseb li hu normali li jkun hekk. Biss f'din wieħed irid iħares lil hinn mill-qoxra u ma jarax biss l-aspett finanzjarju. Il-kilba tagħhom għall-flus hija aktarx sintomu ta' marda spiritwali, speċjalment għal Fredu. Ir-regħba hija meqjusa bħala riċetta li tissarraf fi flus li jittieħdu bħala duwa. Huwa n-nuqqas ta' sodisfazzjon fil-ħajja li jieħu din is-sura ta' ġlieda għall-flus. Li kieku veru li kulma Fredu u Roża jridu huwa biss titjib fil-qagħda finanzjarja, kieku bħal 'llum, għoxrin sena wara, kieku jsibuh dan it-titjib finanzjarju, u kieku forsi kulħadd huwa ferħan u kieku m'għadx hawn kilba għall-flus. Imma kieku. Għalhekk pjuttost li wieħed għandu jħares lejn l-isem stess tad-dramm, "Ċens Perpetwu", biex ifittex tixbiha, jew tifsira tiegħu. In-nuqqas ta' sodisfazzjon, is-sens ta' malaise, l-idea li aħna stess donna qegħdin hawn b'ċens, is-sens ta' fatalità, ta' impożizzjoni, dan li jgħakkes lil Fredu, lil Roża u lil Fonzu nnifsu. Wara kollox, aħna Ikoll ninsabu f'din id-dinja "b'ċens", u paradossalment nafu tajjeb li xejn m'huwa "perpetwu".

M. Nistgħu għalhekk ngħidu li l-istat miżeru tal-kerrejja jirrifletti biss in-nuqqas ta' djar, jew hi Malta nnifisha bil-problemi soċjali tagħha?
T. Aktarx din tal-aħħar, u nżidu wkoll il-problema taI-eżistenza f'sens kollettiv. Biss nerġa' niċċara wkoll li waqt li nikteb id-dramm qatt ma għedt, "Issa ejja nieħdu kerrejja u nissimbolizzaw lil Malta." Jekk ħarġet hekk, ħarġet aktarx intwittivament, kif bosta drabi toħroġ il-kitba tiegħi. Bosta drabi wkoll huwa meta niġi biex nikkoreġi dak li ktibt li nerġa' nirtokka biex naqla' aħjar dak li ktibt - kultant bil-kontra, biex noffuska dak li hu espliċitu wisq, dak li flok jingħad jeħtieġ jinħass jew jiftiehem biss.

M. It-teatru jiġbor fih bosta ġeneri. Taħt liema ġeneru nistgħu nqiegħdu d-dramm Ċens Perpetwu?
T. Jekk ikolli nagħżel, nagħżel il-"Black Comedy", b'doża tajba ta' realiżmu, talanqas fil-karattri nfushom, fid-djalogu u fl-ambjent, jekk mhux fi-istorja fiha nfisha li għandha ċertu surrealiżmu fit-tmiem tagħha. Hawnhekk forsi ta' min wieħed isemmi li l-kamra li fiha tiġri l-istorja kollha hija wara kollox kamra li eżistiet tassew, kamra li rajt b'għajnejja stess fi ċkuniti. Nifatakar kamra mudlama fejn kienet għadha kemm mietet waħda xiħa, u niftakar ix-xemgħat inemnmu fid-dlam, l-inkwatri ta' qaddisin mal-ħitan, u n-nies, il-kbar, jitkellmu minn taħt l-ilsien. II-mejta naturalment ma kenitx hemm, imma n-nuqqas tagħha (għax jien kont rajtha xi drabi qabel), in-nuqqas tagħha donni ma stajtx naċċetah. Ma niftakar ebda sens ta' biża’, imma s-sens li kien hemm xiħaġa nieqsa. Minn hekk beda "Ċens Perpetwu."
LOUIS CASHA

EKU— Diċembru 1991

 

 

ĊENS PERPETWU FIĊ-ĊENTRU TAD-DRAMA MIKIELANĠ BORG -  2007

 

 

IT-TEATRU TA' ORESTE CALLEJA

         NOTI BIJOGRAFIĊI                               ID-DRAMMI                           PUBBLIKAZZJONIJIET                        ARKIVJU