www.orestecalleja.com


 

  ANESTESIJA:

IL-KONTROVERSJA TA' WARA

 

 

 

M'aħniex qed insemmu mill-ġdid dan id-dramm għax ipprova jirredikolah Charles Clews din il-gimgħa fuq programm li lanqas irridu nsemmuh tant kemm kien imqanżaħ, imma għal raġunijiet aktar serji.

Veru li l-maġġoranza tan-nies dan id-dramm ma fehmuhx. Veru li ħadd ma jaf għaliex ir-reġista qabbad tifla tagħmel il-parti ta' tifel. Veru li d-dramm kien mgħobbi bis-simboliżmu. Imma veru wkoll li ma kienx ridikolu bħalma ried donnu jgħidilna Charles Clews, Is-Sur Clews aħjar jgħidilna kemm huma banali, psataż u ħamalli x-shows ta' ċertu "ħabib kbir tiegħu" li jekk id-diċeriji huma bbażati fuq is-sod ma ndumux ma narawh iwaqqa' l-unur artistiku tal-Manoel għaċ-ċajt b'dik il-ħamallaġni li hemm fl-aħħar verż joni tax-show ta' Karmena Abdilla.

 Imma nerġgħu għas-suġġett. F'dal-kolonni ħmistax ilu aħna għidna li jekk il-maġġoranza tat-telespettaturi ma fehmux id-dramm, it-tort huwa tat-tradizzjoni zoppa tal-MTV li qatt ma sfurzat ftit biex tgħallem il-poplu u twassallu "trends" moderni tat-teatru. U dan nirrepetuh bl-istess enfasi ta' qabel, għalkemm napprezzaw ukoll li l-attudini tal-kapijiet bdiet tinbidel minn meta, pereżempju ġie mwaqqaf il-programm "L-Arti Madwarna" bla ebda mottiv ħlief dak li MTV huwa stabbilment kummerċjali.

 L-isbaħ waħda li ħarġet minn din il-kontroversja kienet meta l-kittieb tal-Kultura tal-"Orizzont" wera l-opinjoni tiegħu favur id-dramm u qal li n-numru ta' nies li ma jafx japprezza l-isforzi qalbiena ta' nies bħal Marshall u Calleja m'għandux jikkondizzjona xandir intelliigenti mill-MTV.

Is-Sur Tabone, wieħed minn dawk li suppost qed imexxu x-xandir Malti, kiteb ittra lill-editur ta' l-istess ġumal u fost kliem ieħor qal hekk: (skużawni jekk nikkwota din il-kitba ftit dekoruża, imma xtaqt nurikom min irid imexxi l-intellett Malti 'l quddiem: "Bħalma ppermettejt lil Mario Azzopardi jimsaħ riġlejh f'wiċċ it-telespettattiri li kasbru "Anestesija" ippermetti lili wkoll nobżoqlu fwiċċu... it-tnejn għandna l-istess jedd." Apparti mill-kitba ħamalla, baxxa u vulgari (J'Alla l-ġurnal tagħna ma jitttebbax bl-ebda kitba bħal din li thammarlek wiċċek), il-kittieb tal-ittra wera wkoll nuqqas ta' vokabularju anatomiku u idjomatiiku Malti. Bil-Malti ngħidu "timsaħ saqajk" u mhux "riġlejk" f'xi ħaġa, ġeneralment f'xi xugaman. Min hu baxx jibdel ukoll ix-xugaman u floku jdaħħal xi ħaġa oħra.

U dil-furja kollha għax kittieb wera l-opinjoni tiegħu. "Furja" iva, ridt ngħid, għax is-Sur Tabone tant kien infurjat li fost kliem ieħor (mhux kollu ħamallu) kiteb: "tal-Ħamis, 8 ta' Ottubru". Das-Sur Tabone jew ma jafx jgħodd, jew għandu kalendarju ta' xi snin ilu għax dis-sena skond id-dinja Kristjana u Musulamana wkoll, it-8 ta' Ottubru ħabat il-Ħadd. Imma... meta titlef rasek, titlifha u tibda tgħid il-ħmerijiet li lanqas tlaħħaq magħhom!

 

LURA                                  

                                                                                                                                                                                                                           i  


 

                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                          IL-MUMENT, Il-Ħadd 15 ta Ottubru 1972