|
L-AWTO-ĠUDIZZJU
nota dwar |
KRITIKA CHARLES BRIFFA 1993 |
Il-konfront bejn il-bniedem u l-kuxjenza
tiegħu dejjem newwel temi serji lil-letteratura mondjali. Fl-istruttura
drammatika ta' Għasfur taċ-Ċomb (l993) it-tensjoni tematika bejn
il-karattri u l-għemejjel tagħhom twassal għal svolġiment ta' ġrajja li tikxef
konflitti interni li kaġun tagħhom il-ħtija ma tista' tindifen qatt taħt it-trab
tat-tnessija minħabba l-kuxjenza.
Il-bniedem iwettaq għemil, u dan it-twettiq
jitferra' mir-rieda ħielsa tiegħu. Imbagħad jasal mument meta jkollu jaffronta
lilu nnifsu dwar dak l-għemil. Hekk ġralha n-Nanna: saret omm. Omm li ċaħdet
lit-tarbija tal-ħalib tagħha għax din ma kinetx normali. Ma ridetx tħobbha
lanqas "kull tliet sigħat" (it-Tielet Att )
U hawn l-udjenza tibda tiħasseb: mela
l-imħabba tal-ġenituri bil-ħin? L-imħabba m'għandhiex ikollha ħin. Għandha tkun
erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Imma mhux in-Nanna. Bħalha omm riedet terġa'
ssabbatha lura ma' wiċċ Alla: "U minn dak inhar roddejtu lura lil Alla, u tlabtu
jieħdu lura." (it-Tieler Att). U kif tispiċċa? Minkejja li darba kienet mara
sabiħa, tinħakem minn marda qerrieda li tibda tikolha minn ġewwa (l-Ewwel Att.)
Dan l-uġigħ ġewwieni huwa t-tpattija
tat-twettiq ta' għemil u nifhmu bla tnikkir kif il-ħajja tal-bniedem trid
titkejjel skond il-kuxjenza tiegħu. Ir-realtà
tinsab meta l-bniedem jiġi wiċċ imb'wiċċ mal-kuxjenza tiegħu: dik il-ġwida li
skond San Pawl qiegħda stampata firi-natura umana sabiex taħdem bħala għassies
morali effettiv. Oreste Calleja f 'dan id-dramm juri kif il-karattru issawwat
minn din il-kuxjenza.
Isimgħu daqsxejn kif Ernest Hemminġway ifisser il-kuxjenza: "What's good is what I feel good after. What's bad is what I feel bad after." Issa meta Heminġway lissen dan il-kliem kien qiegħed b'mod fin jittratta t-test li minnu joħroġ il-valur tal-ħajja. Billi l-bniedem iħoss it-tajjeb u l-ħażin nistgħu ngħidu li azzjonitu tfaqqas minn ġewwa, l-għarfien morali (magħruf bil-Grieg bħala s-syneidesis) jagħżel lill-bniedem mill-bhima u fl-istess ħin itaqqal lill-istess bniedem bil-piż tal-awto-ġudizzju.
Wara d-difna ta' Eżra, Calleja jheżheż lin-Nanna bi "ħsieb irxuxtat
mill-imgħoddi" u tinfexx thewden dwar l-imħabba (it-Tielet Att). U tasal din
il-bniedma mtaqqla biex tistqarr ħtijietha wara żmien twil iġġor dik
il-ġebla-mażżra tqila f'sidirha tniġġiżha kontinwament. L-għarfien tal-passat
ikiddha għax tintebaħ li għamlet ħażin u ittaqqal bil-ħaqq li tefgħet fuqha
nnifisha. It-tkexkixa tar-realtà
li pprova jagħtiha u jwasslilha Dun Pawl nixxiflha l-imħabba materna tagħha: "U
minn dakinhar il-ftit ħalib ta' sidri nixef qoxqox." (it-Tielet Att.)
Iċ-ċahda tnissel il-qerda tan-natura, u hawn tidher ħala kbira għax dik in-natura setgħet iġġenerat ħwejjeġ aħjar minn rinunzja u distakk. Il-fiġura ta' omm sabiħa tredda' lil binha m'hijiex figura mxajtna imma hija figura ta' mħabba u għalhekk toħroġ it-traġiċità li ma tolqotniex b'sens ta' ħniena. It- tbatija mtaqqla fit-tul ma tqanqal ebda simpatija. Il-biża', il-ħtija, u l-ansjetà juru kemm il-kuxjenza tista' tkun sid kattiv tal-bniedem, u d-drammaturgu donnu qiegħed jgħidilna (anzi jirrepeti dak li qal ħaddiehor qablu) li l-bniedem stess jagħmel ħaqq mill-għemejjel moħbija tiegħu. Il-ġudizzju dejjem ikun f idejn il-bniedem li jwettaq xi għemil: ma' l-għemil iseħħ il-ġudizzju.
F'Calleja l-bniedem itella' barrikata (Oliver Friġġieri jsejħilha d'"Dinja
Magħluqa" li fiha tistagħna l-kuxjenza tal-għeluq) ħalli jingħalaq ġewwa fiha
bla ma jħalli li ħadd jgħaddi minnha. Ruħu tidher maħkuma minn ħtija li twassal
toqol kbir fuq il-kuxjenza, tant li dik il-ħtija mhux twarrabha trid imma
ġġorrha biex tħallik tkun bniedem. Elen titgħabba
bil-mewt ta' Eżra għax ħallietu jaqa' u jmut jiżżerżaq fil-ħemda assoluta: "U
safrattant — safrattant jien qtiltu." (It-Tielet Att.) Tistqarr ħtijitha u
tammetti dnubha u meta ommha tittanta tiskużaha ta' għemilha, Elen twaqqafha:
uLe, qed ngħidlek, Ma! Mhux se nħallik tiċħadni mill-ħtija wkoll. Ħallili dik
talanqas." (It-Tielet Att.)
Il-ħtija hija lussu f'dan l-ambjent ta' rifjut, għax kif tista' toftom
il-ħtija mill-għemil u tibqa' bniedem? In-Nanna, avolja wara esperjenza bħal
dik, xorta ma tgħallmitx li ma tistax tifred il-waħda mill-ieħor. U r-ruħ
imtaqqla bil-ħtija titqies bħala waħda mjassra mill-ġisem. Ir-ruħ bil-ħila ta'
għarfien soġġettiv hija wisq aktar minn kalkolu matematiku li jitfisser bi ftit
"grammi infiniteżimali" (it-Tielet Att.) Calleja jurihomlna t-tnejn. Fil-każ ta'
Elen, jidhirli li hija aktar ir-ruħ li tjassar lill-bniedem. Ir-responsabiltà
li għandha ta' għemilha tagħtiha kuxjenza li tiġġudikaha. Il-bniedem ijassar
lir-ruħu jekk jibqa' jgħaffeġ ħajtu kif jogħġob lilu—bħalma għamlet in-Nanna.
Għax jekk l-esperjenza ġewwiena tal-bniedem,
li trekken taħt ġwinħajha l-ħsibijiet, ix-xewqat, u l-ħsus, hija fattur ewlieni
fil-għamla umana tal-eżistenza, allura rridu naslu ngħidu li r-ruħ (bħala
esperjenza ġewwiena) tiddetermina l-għemil. Hija r-ruħ li tjassar lin-Nanna u
tħalliha tinħela fir-rinunzja u d-distakk. Mill-banda l-oħra f'Samwel għandha
r-ruħ imjassra li tagħraf lilha nnifisha fil-ġirna, tagħraf li hi waħda min-nani
imsejknin li qatt ma jistgħu joħorġu mill-kastell misħut.
Hi liema hi d-dehra tar-ruħ li tixref
fl-arġumentazzjoni tagħna l-istruttura tat-tiġrib uman spiss tkun
ikkaratterizzata b'ġewwieni riflessiv li jislet vini awto-kuxjenti: dan
il-fattur jagħmel id-dramm relevanti għall-umanità
kollha. Imma fl-istess waqt irridu nifhmu li s-soċjetà
stess tgħin biex il-kuxjenza titlaħħam bir-realtà:
dan il-fattur jagħmel dan ix-xogħol letterarju aktar relevanti għal żmienna u
għal artna.
Fid-dramm hija t-tradizzjoni li tingħata sehem dominanti li tiddetermina għemil il-karattri — tant li ma' Friġġieri nasal inlaqqamha "xbieha makabra li ma tistax tinqata'". L-ewwel kelmiet imlissna fid-dramm huma "Fejn sejjer?" li jagħtu mistoqsija li qatt ma titwieġeb u din tidher il-missjoni tal-bniedem f'Calleja. Jagħmel x'jagħmel dan il-bniedem fejn jasal? Għemil il-bniedem jinħass bla fejda, bla siwi, u allura fejn hi l-libertà umana? Il-karattru f'Calleja huwa fil-psikoloġija tiegħu għasfur taċ-ċomb li jtir biss fil-mument tal-qerda tiegħu: "U wiċċu ma kienx aktar imbeżża'" (it-Tielet Att).
Charles Briffa