www.orestecalleja.com


 



Reċensjoni
ta'
JOE FELICE PACE

     GĦASFUR TAĊ-ĊOMB
 

RITORN TAJJEB TA' ORESTE...                

Kemm inbidlet is-soċjetà Maltija fil-qalba tagħha fil-medda ta' għoxrin sena? Ħafna, jkun hemm min jgħid.

Hija forsi tweġiba li tirrifletti analiżi xi ftit superfiċjali ta' x'inhi l-bidla reali li minnha trid tgħaddi komunità biex tkun ittrasformat ruħha tassew, u mhux fil-qoxra biss. Għax jekk bidla ma tistax tinqata' mill-imgħoddi, kif fil-fatt m'għandhiex tinqata' (forsi l- imgħoddi stess hu l-punt tat-tluq li jimbuttaha 'l quddiem), min-naħa l-oħra trid tkun bidla li tħaddan ukoll l-imgħoddi u mhux sempliċement taħbih bħal meta wieħed jiknes it-trab taħt tapit.

Qari serju tad-dramm Għasfur taċ-Ċomb ta' Oreste Calleja jissuġġerixxi mill-ewwel din il-mistoqsija fuq in-natura u l-estensjoni jew profondità tal-bidla tas-soċjetà Maltija tul żewġ dekadi.

Wara li kien tana drarnmi li jinfdu u jakkużaw il-kuxjenza Maltija bħal Ċens Perpetwu u Satira, Calleja ħalla Malta - mhux l-inqas b'sens ta' protesta fiżika u rnhux biss paċpaċa - fl-l974 u bħal fittex jaħrab minn għeluq li l-artist x' aktarx iħoss wisq iżjed klawstrofobiku minn ħaddieħor.

Studja f Londra u fi Florida, u daqs sbatax-il sena wara ġie lura, forsi bit-tama li l-bidliet veri, jekk ma seħħux għal kollox, kienu bdew jitwettqu. Għal ftit xhur qagħad iħares madwaru u mbagħad reġa’ beda jikteb; u sab ruħu, almenu fil-fehma tiegħi, mhux wisq 'il bogħod mis-sitwazzjoni li kien xtaq jikkontribwixxi għat-trasformazzjoni tagħha għoxrin sena qabel.

Mis-sengħa ma tilef xejn. U kelma sempliċi imma inċisiva, mimlija tifsiriet lil hinn mit-tifsira tagħha tal-wiċċ, baqgħet tiddomina. Il-qawwa tas-satira u ta' l-ironija baqgħu sħaħ, is-simboliżmu kotor.

Anzi naħseb li dan id-dramm ġdid tiegħu juri żvilupp konsiderevoli fuq il-mod kif kien jibni xogħlijietu fis-sebgħinijiet. Il-waqfiet bejn xeni u sitwazzjonijiet qawwija huma inqas, il-gradwatorja ta' intensità bil-wisq akbar.

 Meta taħseb li wasal mument ta' waqfa, jew ta' serħan mit-tensjoni, tarak tidħol fi klaxx ieħor ta' karattri li jkompli jżid id-doza ta' kritika sarkastika fuq soċjetà magħluqa medhija biss f ħaddieħor, taħrab il-ħin kollu mill-ezami tal-kuxjenza tagħha, imqabbda ma' imgħoddi aljenat u ċirkondat fl-għeluq ta' kamra waħda.

Id-diskussjoni fuq il-bidla tinbidel f’attakk fuq il-persuni għax hu l-interess personali, imqar jekk moħbi taħt slogan sabiħ, li jrid jiġi sodisfatt. U ċ-ċirku jsir vizzjuż. Flok jimxi fuq dawrietu jibda jagħqad fuq fusu u fil-proċess jiekol, jew jaħraq, lilu nnifsu.

Tibqa' biss l-aljenazzjoni tal-mument, ħolma li għal ftit tinħass reali iżda li bilġri tgħib kif jiġri fi djalogu bejn Petra u Samwel fil-bidu tat-tielet att.

Għasfur taċ-Ċomb jiżviluppa fid-djuq ta' kamra waħda f’dar kbira fi stat ta' dekadenza fejn il-membri tal-familja Depawli (ulied San Pawl, irid jissuġġerixxi Calleja?) jgħixu fi stat ta' ħarba minn imgħoddi li jridu jostru imma li l-istess satra tiegħu twassalhom għat-tibriħ ta' dak stess li jridu jzommu taħt il-maduma.

Il-provokaturi tal-kixfa tal-verità huma ż-żewġ barranin li jgħixu magħhom, waħda minnħom tfajla li tibni relazzjoni ambigwa mal-ġuvni li minnu jista' jiddependi t-tiġdid tal-familja imma li għall-membri l-oħra hu ribelli, u l-ieħor ħabib li ilu żmien jgħix magħhom u li b'xi mod jikkondizzjona ħajjithom u jkun hu li jġib it-tfajla fid-dar biex bħallikieku jipperpetwa din il-preżenza dominanti li saħansitra tikkontrolla ġid il-familja.

Jew, kemm hi u kemm hu huma wkoll dominati mill-istess sitwazzjoni tad-Depawli?

Calleja ma joffri ebda tweġiba. Mhux xogħlu joffri soluzzjoni. Għax sejħatu hi li jesprimi problema fil-kuntest ta' sitwazzjoni mikrokosmika. Imbagħad is-soċjetà, il-qarrejja wieħed wieħed, jiġbdu l-konklużjonijiet. Imma tgħid jaslu għall-essenzjali tal-lezzjonijiet? Xtaqt nara qari aħjar tal-provi, għaliex sibt wisq għeltijiet li setgħu jiġu faċilment evitati, mhux l-inqas fil-punteġġjatura li, speċjalment fi dramm, hija importanti għall-intonazzjoni u l-enfasi. Min-naħa l-oħra ħadt gost nara t-tħaddim ta' lsienna b'mod tassew naturali u bla ebda ħjiel ta' sforz.

Calleja baqa' jħaddem ilsien pajjiżu tajjeb, daqskemm baqa' jħaddem tajjeb is-sengħa tal-kitba għall-palk.

Issa li miet Francis Ebejer, x'aktarx li l-mant irid iġorru hu.

 

Joe Felice Pace

IL-GENS - 30 ta' Lulju 1993

                    

LURA