orestecalleja                          DRAMMI                XENEĠĠJATURI               PUBBLIKAZZJONIJIET             L-ARKIVJU              BIJOGRAFIJA


 
4 DRAMMI      EN PASSANT   PAWLU REDUX    GĦAŻIŻ ANGELO   IL-FESTA BIL-BANDIERI    ANESTESIJA      U L-ANĠLU ĦABBAR    ADDIJO ĊESRI     SKART     ĊENS PERPETWU     IL-BELLIEGĦA FIL-BIR     IĠSMAIĦIRSA    EN PASSANT     JUM FOST L-OĦRAJN    SKUŻI TA....   

 

ĊAMA ĊAMA

IL-MONOLOGI
 

ID-D A Ħ L A

 

 

 

IS-SEJĦA

 

Meta titqies iż-żieda ta' opportunitajiet għall-atturi u d-domanda li hawn fil-midja għal awdizzjonijiet biex jintgħażlu l-aħjar atturi, kif ukoll l-għadd dejjem akbar ta' skejjel u korsijiet tat-teatru u l-eżamijiet ta' prattika tar-reċtar relatati, naħseb li din il-ġabra ta' monologi tista' tipprovdi xi ftit materjal meħtieġ biex jissodisfa d-domanda. Nittama li dawk li jagħmlu użu minn dan il-materjal ikunu jistgħu jiċċamaw monologu li jiftaħilhom il-bieb għal xogħol ta' fejda fit-teatru jew f'xi aspett ieħor ta' xogħol ta' drama.

U fl-aħħar, imma żgur mhux l-inqas, jalla jservi wkoll biex wieħed jiftakar li d-drammaturgi kontemporanji Maltin għadhom ma sparixxewx għalkollox. Minkejja x-xniegħat persistenti u mhux għalkollox esaġerati tal-mewta prematura tagħhom.

 

Kif tagħżel il-monologu li jgħodd għalik.

 

Is-sejħa għal awdizzjoni ġeneralment ikollha l-iskop li tikkonvinċi persuna jew persuni, direttur, għalliem, producer jew aġent teatrali biex jikkommettu ruħhom serjament li joffrulek proġett ta' reċtar. Dawn il-persuni jridu jkunu jafu jekk intix kapaċi tissodisfa xi għan tal-produzjoni u hux possibbli li taħdmu flimkien b'mod kostruttiv biex jintlaħaq dan l-għan.

L-għażla tal-monologu li jgħodd għalik huwa l-ewwel pass f'din id-direzzjoni u hemm żewġ konsiderazzjonijiet li jridu jitqiesu: li tagħżel silta li l-ewwelnett verament togħġob lilek u, it-tieni, li tkun kapaċi taħdem fuqha bil-qalb.

Li wieħed imbagħad ikollu diġà ppreparat minn qabel aktar minn monologu wieħed qabel ma biss japplika għal xi awdizzjoni jista' jkun ta' vantaġġ kbir. Xejn xejn jevitalek li trid tilħaq xi skadenza f'qasir żmien biex tipprepara ruħek għall-awdizzjoni - sitwazzjoni li tista' timponilek stress meta l-aktar li tkun tixtieq li tkun fl-aqwa stat mentali u fiżiku. Aktar u aktar jekk dan l-istress jiġi proprju meta tkun diga' impenjat b'xi xogħol ta' reċtar ieħor.

 

Kif tigdeb... biex turi l-verita'. (Picasso)

Meta tirreċta ma tridx... tirreċta. Trid tkun veru int - int min int. Ġenwin. Irrispetta l-persunaġġ tiegħek u rrispetta lil min ħolqu - il-kittieb. Imbagħad oħloq dik il-persuna mistennija minnek, mill-monologu, u segwi l-prinċipji tiegħek, it-twemmin tiegħek artistiku. tiegħek u ta' min jaħdem miegħek. Tirnexxi meta l-gidba li toħloq tiskopri jew tikxef xi verita' .

 

Fedeltȧ jew le għat-test oriġinali.

L-għażla tal-monologi kif riprodotti hawnhekk hija fidila kemm jista' jkun għall-oriġinal. F'ċerti każijiet limitati ħafna għamilt xi ftit tibdiliet żgħar (kelma jew tnejn) sabiex jgħinu biex jinftiehem aktar malajr il-kuntest tad-diskors minn min forsi qed jisimgħu/jarah għall-ewwel darba.

Madankollu, għall-ħtiġijiet tal-awdizzjoni l-attur jista' jsegwi fedelment it-test kif ippreżentat fil-monologu partikolari li jagħżel, imma jista' wkoll jadattah u jimmodifikah skont kif iħoss sabiex ikun jista' jagħti rendiment aktar personali u li kapaċi jiggarantilu aktar suċċess fl-interpretazzjoni.

 

It-tul tal-monologi.

Il-monologi inklużi jvarjaw fit-tul - uħud minnhom huma qosra u ta' xi minuta, oħrajn ta' żewġ minuti u oħrajn wisq itwal. Naturalment għandhom jintużaw u jintgħażlu skont il-ħtiġijiet u kif mitlub minn min isejjaħ l-awdizzjoni, jew skont il-ħtiġijiet ta' workshop jew klassi ta' reċtar jew eżami.

In-numru ta' kliem f'monologu kif indikat fi tmiem paragrafu jew silta ovvjament mhux biżżejjed biex tikkalkola it-tul ta' żmien meħtieġ għar-reċtar. Il-prattika u l-provi biss jistgħu jagħtuk indikazzjoni aktar preċiża ta' kemm ħin jista' jeħodlok monologu waqt awdizzjoni.

Jgħin ħafna naturalment li wieħed l-ewwelnett jibda billi jaqra l-monologu b'vuċi għolja, mhux biss biex jieħu indikazzjoni preliminari tat-tul, imma wkoll tal-potenzjal emozzjonali tas-silta.

Il-monologi pjuttost qosra jistgħu jservu ħafna meta s-sejħa għal awdizzjoni titlob żewġ monologi qosra kontrastanti. Hemm imbagħad il-monologi pjuttost twal li, fejn u jekk ikun meħtieġ, jistgħu jinqasmu fi tnejn. Ara aktar 'il quddiem għal aktar dettalji dwar it-tul tal-monologi.

Ġeneralment, il-monologi jsegwu żewġ linji ta' żvilupp drammatiku::

ȧ dawk li jibdew f'ivell emozzjonali diġȧ sostenut ħafna sa ma jeskalaw għal krexxendo finali,

ȧ dawk li jiżvolgu pass pass u jgħaddu minn sitwazzjoni emottiva għal oħra sakemm jilħqu quċċata li ma setgħetx tintlaħaq b'eskalazzjoni linjari u diretta.

Evitajt kważi kompletament dawk il-monologi li jservu biss bħala narrazzjoni.

 

TIFSIRIET

 

Il-vis-a'-vis.

Paradossalment, f'monologu qatt m'inti waħdek fuq il-palk. Kliemek u għemilek iridu jaġixxu u/jew jirreaġixxu fuq xi ħadd - kemm jekk ikun preżenti (fix-xena magħżula tal-monologu), kemm jekk ikun assenti. Dan hu l-vis-ȧ-vis.

Qed nirreferu għall-karattru/karattri fid-dramm (mhux preżenti għall-awdizzjoni) lil min il-personaġġ tal-attur qiegħed jindirizza d-diskors u ma' min l-attur irid joħloq relazzjoni kredibbli fiż-żmien qasir disponibbli tal-awdizzjoni. Jista' jitqies bħala l-persuna mingħand min qiegħed jeżiġi xi ħaġa, jew il-persuna li qiegħda tostakola dak li qed jipprova jirbaħ - avolja mhuwiex quddiemu u ma qed jikkontribwixxi xejn, la diskors u wisq anqas azzjoni jew reazzjoni!

U ta' min wieħed jiftakar li min qiegħed jevalwa l-awdizzjoni ma tistax tkun din il-persuna jew persuni. Xogħol dawn hu li jiġġudikaw lilek, mhux li jkunu parti mis-sitwazzjoni/l-atmosfera li trid toħloq fiż-żmien ristrett li għandek għad-dispożizzjoni tiegħek. Distrazzjonijiet huma l-akbar għadu tiegħek.

 

Sinjali ta' punteġġjatura.

Is-sinjal ta' punteġġjatura / (linjetta jew dash) fil-bidu ta' paragrafu jindika reazzjoni għall-diskors, li mhux bilfors hu inkluż fil-monologu, li ntqal mill-vis-a'-vis. Fejn hemm bżonn irreferi għall-manuskritt originali.

 

It-tul tal-monologu u n-numru indikattiv ta' kliem.

Numru bejn sinjali ta' parentesi - eżempju: (100) - fi tmiem paragrafu, jindika l-għadd ta' kliem fis-silta.

L-użu tal-marka < quddiem in-numru ta' kliem, eżempju: (<210), jindika li jridu jitqiesu kliem ta' didaskalija li mhumiex inklużi fil-monologu u għalhekk in-numru ta' kliem huwa biss indikattiv u jista' jkun anqas milli muri.

Barra l-monologi ta' xi minuta jew tnejn u oħrajn pjuttost twal, hemm uħud itwal sew. Fejn dan it-tul jista' jinqasam fi tnejn b'mod xieraq, hekk li jistgħu jinħarġu żewġ monologi iqsar, f'nofs il-monologu hemm indikat in-numru ta' kliem minn fejn jista' jitqassar. Fejn monologu pjuttost twil jinqasam fi tnejn, jew jitqiegħed fuq paġna separata, issib l-indikazzjoni "ikompli" fi tmiem l-ewwel parti tal-monologu, kif ukoll fil-bidu tat-tieni parti tal-monologu. B'hekk wieħed jista' jagħżel bejn monologu wieħed twil jew monologu iqsar, skont il-ħtieġa.

 

Il-linja tal-qiegħ tal-paġna.

L-aħħar linja fi tmiem il-monologu turi l-abbrevjazzjoni tal-isem tad-dramm minn fejn ittieħed il-monologu u, fejn meħtieġ, in-numru tal-att u x-xena u l-paġna tal-pubblikazzjoni; eżempju:

BFB - 1 Att, 2 Xena, p. 32 (m)

Il-lista tad-drammi u l-abbrevjazzjonijiet użati jinsabu aktar 'l isfel fi tmiem id-daħla.

 

Ġeneru

Il-monologi jalternaw bejn karattri femminili u karattri maskili. L-aħħar indikazzjoni fi tmien il-linja tal-qiegħ, eżempju (m) jew (f), tindika jekk hux monologu għal karattru maskili jew femminili.

L-ittri kbar (F) jew (M) jindikaw karattru pjuttost akbar fl-eta'.14 Daħla

L-indikazzjonijiet (f/m) jew (F/M) jirreferu għal partijiet li jistgħu jinħadmu kemm minn attur jew attriċi.

Eżempji:

              MARCO (m) BRIDGET (f)

              MISSIER (M) NANNA (F)

              LEĦEN (f/m)

Tista' ssib ukoll (f/m - F/M) fejn m'hemm la diskriminazzjoni ta' ġeneru u lanqas ta' eta'

 

Didaskalija

Diskors li jintqal mill-vis-a'-vis u li jinterrompi l-monologu kultant tħalla fil-monologu meta nħass il-bżonn li jkun tajjeb li l-attur iżomm quddiem għajnejh dan il-kliem waqt li jaħdem fuq il-parti tiegħu. Dan id-diskors hu indikat bil-korsiv fuq in-naħa tax-xellug tal-monologu. Eżempju:

ALISTAIR: Diskors li jintqal mill-vis-a'-vis.

NB: Is-sinjal ta' punteġġjatura / (linja vertikali - jew slash) fil-bidu ta' paragrafu tindika interruzzjoni fil-monologu, jew reazzjoni għal diskors li ntqal mill-vis-a'-vis, li mhux inkluż fil-monologu. Jista' jindika wkoll xi azzjoni/effett tekniku, li jinterrompu l-monologu.

 

Id-drammi magħżulin.

L-ismijiet tad-drammi minn fejn ittieħdu l-monologi huma mqassra kif jidher hawn taħt f'ordni alfabetika:
 

Addijo Ċesri                  ADDĊ

Anestesija                       ANS

Il-Belliegħa fil-Bir            BFB

Ċens Perpetwu              ĊENS

En Passant                     ENPS

Il-Festa bil-Bandieri        FBB

Għażiż Angelo                GĦAN

Għasfur taċ-Ċomb          GTĊ

IġsmaIħirsa                    IĠSM

Jum fost l-Oħrajn          JUM

Pawlu Redux                 PRDX

Satira                             SAT

U l-Anġlu Ħabbar         ULAN

 

Dan jgħin biex wieħed ikun jista' jirreferi għax-xeni relatati f'pubblikazzjoni stampata jew l-ebook fuq is-sit elettroniku www.orestecalleja.com. Fuq wara tal-ktieb hemm ukoll lista ta' dawn il-pubblikazzjonijiet, bit-dati u l-ISBN.

 

Fost il-monologi magħżulin hemm ukoll xi siltiet minn xogħol li qed jitħejja għall-pubblikazzjoni, jew li għadu fil-fażi ta' tlestija.

 

Dawn id-drammi huma:

Meta Jaħkem id-Dlam          MJDM

Maltopja 2222                     MALT

Ċama Ċama                        ĊAMA

L-għażla ta' xi monologu minn fost dawn tista' tippreżenta sfida xi ftit akbar għall-interpretazzjoni għax dil-ġabra ta' monologi ma tipprovdix (għalissa) il-kuntest, l-att jew ix-xena minn fejn ittieħdu. Aktar 'il quddiem, wara l-pubblikazzjoni tad-dramm, ikun hemm disponibbli l-link relevanti fuq is-sit tal-internet.

 

Il-qari tad-dramm oriġinali.

Il-ħtieġa li taqra jew ma taqrax id-dramm kollu minn fejn jintgħażel il-monologu hija deċiżjoni li int biss tista'tagħmel.

Żewġ konsiderazzjonijiet:

- xejn aktar minn hekk ma jista' jgħinek tifhem aħjar iċ-ċirkostanzi li minnhom ittieħed il-monologu li tkun għażilt.

- jekk l-organizzaturi tal-awdizzjoni jiġihom f'moħħhom li jistaqsuk mistoqsijiet dwar il-monologu li tkun għadek kif għamilt, dan il-qari preliminarju jista' jkun utli ħafna. Apparti li jikkonfermalhom l-interess ġenwin tiegħek fit-teatru Malti.

 

Stampar ta' kopja ta' monologu.

Kopja ta' monologu partikolari individwali magħżul biex jintuża għal skopijiet ta' studju jew bi tħejjija għal awdizzjoni jista' jitniżżel jew jiġi stampat mis-sit tal-internet tal-awtur mill-paġna dedikata għall-monologi.

Ara http://www.orestecalleja.com/Monologi

Hawnhekk issib paġna dedikata għal kull monologu individwali, imsawra b'tali mod li meta tiġi stampata tkun faċli li tinqara u tħalli spażju għal notamenti li jistgħu jkunu meħtieġa għall-preparazzjoni jew forsi biex tagħmel evalwazzjoni ta' wara ta' kif marret l-awdizzjoni. Hemm inkluż ukoll link għat-test sħiħ tad-dramm. Il-QR code tal-monologi individwali jwassal dirett għal din il-paġna.

Il-ħidma t-tajba!

 


     O. C. - St. Julians 2019

LURA GĦAL "ĊAMA ĊAMA - Il-MONOLOGI"

 

 

 

 

 

D A Ħ L A

Kif tagħżel il-monologu li jgħodd għalik

Kif tigdeb... biex turi l-verita'.

Fedelta' jew le għat-test oriġinali. 

It-tul tal-monologi.

Il-vis-a'-vis

Sinjali ta' punteġġjatura.

It-tul tal-monologu u n-numru indikattiv ta' kliem.

Il-linja tal-qiegħ tal-paġna.

Ġeneru

Didaskalija

Id-drammi magħżulin.

Il-qari tad-dramm oriġinali.

Stampar ta' kopja ta' monologu.