www.orestecalleja.com


 


ID-DINJA MAGĦLUQA TA' ORESTE CALLEJA


 

 

 


DAĦLA KRITIKA
TAL-PROFESSUR
OLIVER FRIGGIERI

1993


GĦASFUR TAĊ-ĊOMB:  eleġija nazzjonali
rakkont kurjuż li jikxef in-nuqqasijiet gravi ta' soċjetà aljenata
dramm li kellu mill-kummiedja daqs kemm kellu mit-traġedja

Il-kuxjenza tal-għeluq, jew saħansitra tal-klawstrofobija, li ħakmet lill-awturi l-ġodda tas-sittinijiet f'Malta mhux biss swiet biex għaqqdet lill-aħjar fosthom fi grupp organizzat, iżda wasslithom biex biddluha fit-tema ewlenija tal-letteratura kollha minn dak in-nhar 'l hawn. Uħud mill-kittieba fissruha bi protesta elokwenti u ġellieda kontra l-istituzzjonijiet u l-istrutturi iebsa li ntirtu bla ma tbiddlu mit-tradizzjoni. Oħrajn ħallewha tinħadem u ssir ġewwa fihom sakemm sarrfuha f'lirika mnikkta li tisħaq fuq id-distanza u d-distakk tagħhom mill-kollettività u mill-ħajja uffiċjali ta' xeħta politika-ekkleżjastika. Sa fl-aħħar Malta, fi ħdan il-Moviment Qawmien Letterarju, imwaqqaf fl-l967, kienet sabet ġenerazzjoni li riedu jirrevedu l-imgħoddi kritikament, jissuġġerixxu l-mogħdijiet moderni tal-ġejjieni, u sadanittant ibiddlu dan kollu f'tematika letterarja.

Il-ġeneri ewlenin li swew bħala l-forom ta' din il-kuxjenza ġdida u ġeddieda kienu l-poeżija u n-narrattiva. Fejn kien it-teatru ta' din il-lehma meħtieġa u mwarrba? Fil-"Manifest tal-Awtur", imxandar f'Erba' Drammi (l972), Oreste Calleja stqarr li t-teatru Malti kellu nuqqasijiet bla għadd, u li l-istess teatru ma jeżistix. Hi stqarrija paradossali u kuntrastanti: kien hemm teatru miżgħud bin-nuqqassijiet, u fl-istess ħin ma kienx jeżisti. It-tweġiba għal dan in-nuqqas ingħatat minn Calleja nnifsu f'erba' xogħlijiet li minbarra d-dimensjoni universali u filosofika tagħhom tellgħu fil-wiċċ l-ansjetajiet u d-delużjonijiet tiegħu ta' xeħta kollha kemm hi lokali. Bosta waqtiet fid-drammi tiegħu jerġgħu jibnu f'xenarju mlewwen il-monotonija ta' sterjotipi Maltin ta' kull xeħta, morali, politika, soċjali u l-bqija. Minn waqt għal ieħor Calleja jironizza sitwazzjonijiet li kemm it-tradizzjoni kulturali u kemm l-ambjent dominanti kienu jqisu bħala eżemplari u tipiċi ta' wirt li jagħmel ġieħ lil nazzjon sħiħ.

Il-kritika qalila lill-istituzzjonijiet li l-poeti u r-rumanzieri kienu bdew ifissru b'kuraġġ li ma kellux preċedenti fil-ġrajja letterarja Maltija kollha issa bdiet tidwi u tieħu sura ħajja fuq il-palk ukoll. Il-kwadru kien mitmum, u lkoll flimkien il-kittieba setgħu jiftaħru li kienu qiegħdu s-sisien mhux biss għal viżjoni u teknika xierqa għal-letteratura tas-snin ġejjiena, iżda wkoll għal reviżjoni tal-valuri u tal-komportamenti. Ir-radikaliżmu tekniku kien biss il-forma ta' kontenut li sar forma; l-għarfien imwaħħar tad-"dinja l-ġdida" kellu jinbena fuq it-tiġrif tal-miti l-qodma, issa meqjusa bħala gidba morali u kulturali kbira.

Il-bniedem ta' Oreste Calleja, kif fittixt li nuri fid-daħla tiegħi għal Erba' Drammi, kemm bħala abitant tad-dinja u kemm bħala ċittadin ta' art ċkejkna, hu vittma ta' ċirkustanzi eqdem u isħeħ minnu. Ħajjet il-bniedem ta' Calleja tibda qablu, mingħajru, u tissokta warajh, mingħajru wkoll. Is-sinifikanza tiegħu hi sewwasew is-seħħ, l-għarfien tal-insinifikanza. M'hix ħaġa iebsa li wieħed jintebaħ bl-influss eżistenzjalista fil-lehma tiegħu, bħalma mill-bqija dan jidher iserrep f'bosta xogħlijiet oħrajn tal-kontemporanji. Il-punti ta' riferiment issa kienu tassew internazzjonali, u b'din ir-riga l-istħarriġ tal-pajjiż kellu jwassal għal kundanna. Is-silenzju u t-telqa tas-snin ħamsin huma waħda mill-kawżi immedjati tal-qawmien u tal-istorbju tas-snin ta' wara. Malta tal-kittieba ewlenin tal-perjodu, li jibda fis-sittinijiet u jidħol fid-disgħinijiet b'differenzi u bi żviluppi iżda mingħajr tibdil sostanzjali, hi art magħluqa fiha nnifisha, imħaxkna bejn istituzzjonijiet differenti b'interessi li jixxiebħu, ġugarell f'idejn ġganti trasparenti. Kienet, fuq kollox, souvenir tal-imgħoddi li messu għadda u baqa' jitnikker. It-tematika ma kien jonqosha xejn biex tkun tabilħaqq l-ispunt għal eleġija nazzjonali, jew għal rakkont kurjuż li jikxef in-nuqqasijiet gravi ta' soċjetà aljenata, jew għal dramm li kellu mill-kummiedja daqs kemm kellu mit-traġedja.

Bħal Ġwan Mamo ta' Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka (1930), Calleja u sħabu raw il-gravità ta' qagħda nazzjonali komika u patetika; iżda bis-saħħa ta' riflessjonijiet u għadab li Mamo ma kellux, huma seħqu fuq it-traġiċità ta' qagħda li jekk kellha twassal għaċ-ċajt, dan kellu jkun ċajt travestit, sarkażmu qares, imweġġa', li fih il-kittieba ma setgħux jagħrfu lilhom infushom aktar. Minn hawn 'il quddiem tnisslet id-distanza l-ġdida bejn il-kittieb u l-pubbliku tiegħu, dejjem vittma ta' istituzzjonaliżmu li l-għeruq tiegħu kienu mixħutin fil-qigħan ta' ħamrija iebsa li kienet ilha ma tinħarat u tissaqqa. Ir-rumanz ta' Mamo hu eċċezzjoni fil-kwadru kollu tal-letteratura Maltija ta' l-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. It-tradizzjoni teatrali Maltija, mibnija fuq sensiela ta' ċertezzi u kuntrasti fissi, firdet għal kollox minn xulxin lit-traġedja u lill-kummiedja. Issa kien imiss lil Calleja li jżewwiġhom flimkien u joħloq mit-traġi-kummiedja l-ġeneru li jirrifletti qagħda nażżjonali sħiħa.

Il-bniedem ta' Calleja ma jdumx ma jikber f'folla, f'ġemgħa anonima li l-individwi fi ħdanha għandhom ftit jew wisq wiċċ wieħed, identità kollettiva li lkoll jillustrawha b'modi diversi. Iġsma Iħirsa u Ċens Perpetwu huma l-waqtiet ewlenin f'dan l-eżami nazzjonali li hu wkoll uman. Il-kundizzjonament tant jidher qawwi u effettiv li n-nazzjonalità u l-umanità jitħalltu flimkien bla ma jibqgħu jingħarfu aktar bejniethom. Il-bniedem-vittma f' Malta hu l-bniedem-vittma fil-kosmos, u l-kuntrarju. Hemm relazzjoni reċiproka, ta' kawża u effett u l-kuntrarju, bejn l-ansjetà politika-kulturali u l-ansejtà eżistenzjali mhaxknin it-tnejn fir-rassa tal-kuxjenza mweġġgħa ta' l-istess bniedem, dejjem imsawwat minn qawwiet wisq akbar minnu.

Mill-ġemgħa tal-kittieba tal-Moviment Qawmien Letterarju, Oreste Calleja, bħal ftit oħrajn, jingħaraf minħabba li aktar tard huwa seddaq dan id-distakk, imbiddel f’metafora letterarja, bit-tluq persunali u reali mill-pajjiż. Il-kundizzjoni politika-soċjali li ssoktat biex saret tema letterarja, wara ċertu żmien kibret u saret kundizzjoni persunali: wara l-persunaġġ letterarju distakkat mill-pajjiż feġġ l-awtur innifsu li jiddistanzja ruħu hu wkoll bħalu. Id-distanza hi xejra tematika li titlaħħam fi drama b'bosta mezzi tekniċi, u hi sikwit il-bixra ewlenija tal-kuxjenza ta' wħud mill-protagonisti.

Dan l-isfond jiswa biex jorbot lil Għasfur taċ-Ċomb, bi ħjut ta' nostalġija għal tletin sena ilu daqskemm b'punti ta' riferiment usa' għal moviment letterarju sħiħ, mat-tematika bikrija li issa kellha tgħaddi hi wkoll mir-reviżjoni tagħha. M'hix reviżjoni sostanzjali, iżda ż-żmien ma kienx biżżejjed biex biddel il-ġudizzju dwar Malta jew biex juri ħjiel ta' tama. L-elementi tipiċi tat-teatru ta' Calleja ta' l-imgħoddi jitfaċċaw hawn ukoll, imbiddlin skond ħtiġijiet ġodda, imxettlin fl-istess viżjoni, imħaddmin bħallikieku biex juru disfattiżmu li m'għadux sentimentali, patetiku bħal qabel. Bħal Mario Azzopardi, Calleja wkoll għandu d-"demgħat tas-silġ" tiegħu.

L-għeluq tad-dar hu s-sħaba sewda u tqila li taħkem bla waqfien u bla tama fuq kollox u fuq kulħadd. Hi dar reali daqskemm metaforika li l-implikazzjonijiet tagħha jħufu lilhinn minnha ħafna. II-kuntrast bejn is-sens iebes tad-dmir u l-libertà tan-natura jissarraf f'għajn ta' kriżi li lill-bniedem terġa' tibdlu f magna żghira li taħdem biss skond damma ta' regoli fissi. It-tradizzjoni tixref bħala tapizzerija mnawra, imsewsa li n-nuqqasijiet tagħha jidhru aktar skond kemm hi meqjuma. Id-dramm hu eqdem mid-dramm; jibda qabel ma jibda, bħallikieku biex imiss il-ġenesi ta' epoka li d-dramm jippreżenta biss l-aħħar battuti tagħha. L-oġġetti u l-persuni, bħas-soltu, għandhom funzjoni doppja; huma kif jidhru daqskemm kif ifissru u jinftiehmu. L-imgħoddi tqil uħuf bħal dell tqil fuq kollox u fuq kulhadd; huwa l-medda tad-"dar", il-ħabs li lilhinn minnu mhux lakemm wieħed joħroġ bla ma jitlef is-sigurtà, imqar falza, li wasslitu jkun dak li hu. Mill-ġdid, kollox idur madwar l-ossesjoni dwar l-identità, kuxjenza li ssir kriżi fiha nnifisha, mistoqsija bla waqfien, problema bla soluzzjoni.

Fid-dinja ta' Oreste Calleja kollox jimxi skond il-liġi fuqanija ta' l-immobilità. "Id-demm anemiku tad-Depawli" huwa x-xbieha makabra ta' tradizzjoni li ma tistax tinqata', u li hi u tissokta tieħu suriet ġodda u tispiċċa biex tħalli vittmi ġodda fit-triq. Is-seħer tat-teatru ta' Calleja jinsab f’din il-ħila tiegħu li jikteb dramm "għalxejn", li jdur miegħu nnifsu f’sura ta' ċirku vizzjuż, li fi ħdanu jiżfnu żifna stramba għadd ta' nies li daqskemm jemmnu li huma differenti jew superjuri ħdejn il-bqija, m'humiex għajr varjanti ta' tema waħda. Il-varjetà divertenti li tixref f'għadd ta' sitwazzjonijiet tipiċi ta' Calleja għandha s-sigriet taghha fil-kunċett kumpless tal-monotonija. Is-sentenza ta' Samwel — "Forsi jien ukoll f' did-dar ma kont ħadd. Forsi jien bniedem ieħor li qatt ma għex, għajr fid-dellijiet tagħkom ilkoll" hi l-istqarrija-muftieħ ta' kollox. Persunaġġ medju jikber f'parabbola tal-bniedem meqjus bħala fantażma, imqar għalih innifsu. B'lingwaġġ għeri minn kull tiżjin letterarju, b'sentenzi li ma jitbegħdux mix-xeħta ta' taħdit kurrenti, b'mentalità li ma tinqatax mill-espressjoni komuni, Calleja jasal iqiegħed lill-persunaġġ tiegħu fi spazju ambigwu bejn id-dinja ta' barra t-teatru (id-dinja reali, ta' l-indifferenza) u d-dinja konsapoveli ta' ġewwa t-teatru (id-dinja provviżorja, il-platea tan-nies konxji).

L-awtur jibqa' hawn ukoll il-bniedem li ma jsibx postu, u la wara l-palk u lanqas fost l-udjenza. Fuq kollox dan hu teatru kollu kemm hu interpretattiv, li l-għan tiegħu hu li juri li taħt il-qoxra ta' l-affarijiet (il-livell ta' kulma hu ovvju u evidenti) hemm il-qofol moħbi u misterjuż, mimli tifsir li jistieden stħarriġ bla ma jrodd garanzija ta' għarfien aħħari u definit. Id-dramm jagħti l-impressjoni li jimxi sa ma jasal għall-konkluzjoni; fis-sewwa, jibda b'mistoqsija u jagħlaq biha, imkabbra u mkattra f'bosta oħrajn. L-istruttura tad-dramm hi ċirkulari, iddur fit-tond, biex tlaqqa' lill-bidu u lit-tmiem f'ċirku, f'dawra sħiħa, inutli. L-inutilità nnifisha hi kuxjenza, qagħda tqila tar-ruħ. Calleja jikteb għaliex m'hemm xejn aktar x'jista' jagħmel.

Il-preżenza ta' Calleja fil-kwadru zgħir tat-teatru modern ta' Malta m'hix differenti mis-sens li għandhom il-persunaġġi tiegħu, li bħallikieku jgħixu fil-penombra, jistmerru d-dwal daqskemm jibżgħu mid-dlam. Huma spirti jiġġerrew xi mkien fis-subkonxju li issa jittellgħu bi tbatija għall-konxju, u hemm fuq jiftħu l-ixkora goffa ta' l-ansjetajiet tagħhom. Id-dinja ta' Calleja hi magħmula biss minn imħuħ, u kull azzjoni m'hi xejn għajr tieqa ċkejkna mbexxqa kemm kemm fuq irkejjen mudlama ta' dawn l-imħuħ. Meta jitqies li l-kumment fundamentali ta' l-awtur hu kumment "Malti", rilevanti u jiftiehem skond qari kritiku tas-soċjetà kontemporanja marbuta sfiq ma' l-imgħoddi, il-konkluzjonijiet ma jistgħux ma jqanqlux tħassib. Calleja jdaħħal lill-ispettaturi Maltin fil-gwardarobba qadima tad-dar magħluqa Maltija, u f'dik ir-rassa ta' l-għeluq jurihom dinja li daqskemm hi attwali hi wkoll oġġett ta' mużew. Fid-dinja ta' Calleja l-arloġġi waqfu, iż-żmien baqa' għaddej u l-bniedem jinsab mifxul bħal min tilef il-memorja u jaf xorta waħda li xjaħ. Għal darba oħra l-pubbliku Malti għandu xhieda ta' kemm il-kelma maħsuba u mħassba ta' l-awturi tiegħu hi rilevanti u mimlija inkwiet. U l-mottiv ewlieni, wara kollox, kien ftit jew wisq l-aljenazzjoni. It-tweġiba sseħħ billi tintiseġ litanija ta' mistoqsijiet ġodda.

Oliver Friggieri - 1993
    
Daħla kritika għall-ewwel pubblikazzjoni ta' "Għasfur taċ-Ċomb"


EPUB DOWNLOAD

 MOBI (KINDLE) DOWNLOAD 
PDF DOWNLOAD

LURA