orestecalleja    DRAMMI   XENEĠĠJATURI PUBBLIKAZZJONIJIET  L-ARKIVJU  BIJOGRAFIJA
Għaliex Xeneġġjatura: Addendum: Il-forom u stili differenti li jistgħu jintużaw biex jitfassal mudell tad dik li tista' tkun adattata bħala il-mudell tipku ta' xeneġġjatura bil-Malti.
 

 

Kelmtejn ta' wara għax-xeneġġjatura
ADDIJO ĊESRI.

 


 


GĦALIEX "XENEĠĠJATURA"?
Screenplay? Sceneggiatura? Scénario? Drehbuch?

It-tifsira bil-Malti tal-kelma “xeneġġjatura”, jew dak li wieħed jifhem meta jaqraha, diġà hija fiha nfisha ftit jew wisq problematika. Meta bdejt il-proġett tal-pubblikazzjoni ta’ sensiela ta’ xeneġġjaturi (2015), l-ewwel darba li għamilt tiftixa ta’ malajr ta’ din il-kelma f’Google bil-Malti ma sibtx għajr tlieta jew erba’ referenzi għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kitba ċinematika jew televiżiva. Infatti l-ewwel konnessjoni li wieħed jagħmel meta jisma’ jew jaqra din il-kelma probabilment ikollha x’taqsam ma’ dak li nassoċjaw komunament ma’ xena fis-sens pittoriku, jew xenarju tal-palk, jew pajsaġġ. Totalment bil-kontra jekk tfittex il-kelma “sceneggiatura” bit-Taljan li tmur direttament għat-tifsira assoċjata ma’ kitba. M’hemmx dubju mbagħad li l-kelma “screenplay” b’Ingliż tispjega ruħha ferm aktar malajr.

Sa fejn irnexxili niskopri jien, u issa ili marbut mal-qasam drammatiku letterarju armajn ħamsin sena, ftit li xejn huma dawk ix-xogħlijiet ippubblikati bil-Malti li l-format tagħhom jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ xeneġġjatura. Infatti, il-pubblikazzjoni ta’ xeneġġjaturi bil-Malti, strutturati u ppreżentati lill-qarrej bi tfassila u format speċifiku ta’ xeneġġjatura, huwa qasam ta’ pubblikazzjoni li sa fejn naf jien s’issa kien ineżistenti.[1]

 Wieħed jifhem għalhekk lixi ħadd li mdorri jaqra poeżiji, proża jew anke testi teatrali, meta jsib quddiemu xeneġġjatura bil-Malti - jekk ma kienx diġà espost għal xeneġġjaturi b’ilsna barranin - jista’ jsibha xi ftit diffiċli jadatta ruħu biex jinterpreta dak li jsib mifrux quddiemu fuq il-paġna.

In-narrativa ċinematografika għandha kwalitajiet distinti. Hekk kif wieħed jista’ jkun imdorri jaqra poeżiji fil-forom u strutturi differenti tagħhom u jfittex fihom pjuttost sinifikat magħsur li trid tapprezza u tagħrbel bil-mod iżda mhux wisq fit-tul, qarrej ta’ rumanz jew proża normalment ikun imħejji jeħodha aktar bil-mod u jsegwi għal tul ta’ żmien itwal l-iżvolġiment tan-narrazzjoni. Madankollu, il-letarġija (jekk nistgħu nsejħulha hekk) ta’ min jintefa jaqra rumanz ħafna drabi taf tkun imbenġla minn sbandaturi fejn il-qarrej jagħżel li jaqbeż ċerti paragrafi (ngħidu aħna ta’ deskrizzjoni) biex iqarreb ruħu lejn xi azzjoni mistennija bil-ħerqa jew xi djalogu li jkun imiss.

Li wieħed jagħmel l-istess meta jiġi biex jaqra xeneġġjatura jaf ikun fatali għal min irid jifhem x’inhu jiġri. L-ewwel twiddiba għal min veru jixtieq jifhem xeneġġjatura għandha tkun li tippruvax tmur tiġri tfittex id-djalogu a skapitu tal-“azzjoni”. Xeneġġjatura tinbena fuq żvolġiment ta’ azzjoni b’anqas użu ta’ kliem minn rumanz. Imma li taħseb li tista’ tagħżel li taqbeż dik li jidhirlek hija narrazzjoni twila wisq ikun żball. Aktar ma xeneġġjatur jaf ikun konċiż u intens fl-għażla tal-kliem, aktar il-qarrej irid ifittex li jifhem dak li jista’ jistenna li jara fuq l-iskrin.

X’INHI D-DIFFERENZA ALLURA BEJN XENEĠĠJATURA U ĠENERU IEĦOR TA’ KITBA?

Bħala għajnuna u biex jiftiehem aħjar it-tfassil tax-xeneġġjatura – kif adottat f’din is-sensiela ta’ pubblikazzjonijiet – ta’ min jgħid l-ewwelnett li xeneġġjatura ġeneralment għandha tgħaddi minn fażi differenti ta’ żvilupp sa ma tasal f’idejn dawk li jkunu responsabbli biex “jinħadem” il-film/vidjow. Ix-xogħol kif inhu ppreżentat hawn hu t-tip ta’ skript li hu maħsub aktar biex jinqara qabel ma jgħaddi għall-fażi ta’ produzzjoni, milli skript biex jintuża professjonalment/teknikament biex jinġibed il-film. Din hi distinzjoni bejn dak li jissejjaħ “master scene screenplay” u “shooting script.” Għalhekk li żgur m’għandhomx jidhru f’din it-tip ta’ xeneġġjatura (magħrufa wkoll bħal spec script) huma suġġerimenti dwar camera cues jew shooting angles. Mela huwa t-tip ta’ skript maħsub biex l-ewwel jeħtieġ jinqara qabel ma jintagħżel għall-iffilmjar u jingħata lid-direttur, l-atturi jew il-producer. Għalhekk jinkiteb għall-qarrej u mhux għall-producer jew id-direttur. Għall-fażi ta’ produzzjoni u ffilmjar wara jiġu adattati formati differenti tal-istess skript fejn dak li jibqa’ bħala bażi huma d-djalogar u l-azzjoni u sa ċertu punt il-qsim tax-xeni differenti.

DISTRAZZJONIJIET

L-użu ta’ termini tekniċi bl-Ingliż bħal, CLOSE, POV, CLOSE UP, DISSOLVE, DISSOLVE TO, CUT, FADE TO BLACK, eċċ. ġew evitati wkoll. Ir-raġuni prinċipali hi li b’hekk il-qarrejja ma jkollhomx distrazzjonjiet waqt li jippruvaw jinterpretawhom. Min-naħa l-oħra l-loġika tan-narrativa tal-kitba tax-xeneġġjatura tipprova tkun minimalista imma ċara biżżejjed biex tindika l-kunċett tal-viżwalità tal-azzjoni. Wieħed irid jagħżel kliem li jiddeskrivi azzjoni b’tali mod li jkun kważi inevitabblil li min se jiffilmja xena jsegwi l-intenzjoni tal-kittieb/a bla ma jħossu mġiegħel li jimxi fuq istruzzjonijiet didattiċi ta’ kif għandu jagħmel xogħlu.

KEĊAP JEW CATCH-UP?

Fix-xeneġġjaturi li ppubblikajt f’din is-sensiela s’issa ppruvajt li nevita wkoll kliem tekniku ieħor bl-Ingliż (EXT., INT., CONTINUING, cont/d, eċċ) li m’humiex neċessarjament relatati ma’ camera angle cues, għalkemm wara kollox f’xeneġġjaturi b’ilsna barranin oħra jintużaw bla ebda sens ta’ ħtija. Min-naħa l-oħra, kieku dak li jkun jingħata l-inkariku li jkun jmiss fl-evoluzzjoni tal-iskript - jiġifieri li jipprepara l-iscreenplay biex tingħata f’idejn min se jaħdem fuq proġett ċinematografiku, inħoss li ħadd m’għandu jsib raġuni għala m’għandux juża l-Ingliż tekniku ċinematografiku.

Il-kitba ta’ xeneġġjaturi oriġinali, dawk li bdew fil-bidu tal-MTV bħala teledrammi, issa waslu biex jagħlqu l-ħamsin sena mit-twelid tagħhom u l-wasla ta’ indikazzjoni daqsxejn formali u universali ta’ kif jiġi ppreżentat skript b’mod uniformi għal din l-industrija hija meħtieġa.

Ta’ min wieħed jgħid ukoll li l-format li qed jintuża f’din is-sensiela ta’ xeneġġjaturi mhux bilfors għandu jkun l-unika jew l-aħjar alternattiva għal master scene screenplay bil-Malti. Lanqas m’għandu neċessarjament jitqies li hemm bżonn ta’ regoli riġidi jew fissi għal dan l-għan. Wieħed jista’ biss jittama li s-sens komun kif ukoll il-prattika biż-żmien jgħinu biex jinstab mod li jkun familjari u aċċettatabbli għall-maġġoranza ta’ awturi u oħrajn midħla tal-industrija. B’hekk kif il-produzzjoni tal-films lokali, u aktar u aktar, il-kitba tax-xeneġġjaturi, tistabilixxi ruħha aktar, eventwalment tista’ toħroġ xeneġġjatura mudell li fuqha jimxu xogħlijiet ta’ ffilmjar lokali tal-ġejjieni. Ġejjieni fejn l-importanza ta’ kitba professjonali ċinematografika ma jidhirx għandha tkun wisq aktar ‘il bogħod .

FINAL DRAFT, CELTX.

Is-software eżistenti dedikat preċiżament għal min irid jikteb xeneġġjatura jeżistu u għal min lest jitgħallem jużahom huma ta’ għodda imprezzabbli. Fost dawn jispikkaw Final Draft u Celtx. L-użu ta’ dawn irendi totalment superfluwu li wieħed joqgħod iħabbel moħħu kif se jipprepara xogħlu fuq il-kompjuter. M’hemmx aktar taħbil il-moħħ dwar formatting jew tfassil tal-elementi essenzjali ta’ skript, bħalma huma kif u fejn jintuzaw il-bidu tax-xena, id-deskrizzjoni li tmur magħha, id-didaskalja tal-azzjoni, l-ismijiet tal-karattri, id-djalogu, sound effects, eċċ. Wieħed hawnhekk qed jassumi li dan iż-żmien min jikteb xogħlu jagħmlu fuq il-kompjuter. Min jaħdem mod ieħor u jippreferi jgħaddi x-xogħol lest miktub bl-idejn jew f’għamla ta’ kitba oħra lil xi ħadd intiż biex jagħtih is-sura diġitali, dan id-diskors kollu jista’ jinjorah!

Ara https://www.finaldraft.com/learn/how-to-format-a-screenplay/ biex ikollok rijassunt ta’ dak li jkun mistenni li jintwera f’xeneġġjatura u kif għandu jintwera fuq l-iskript finali. Ara wkoll il-biblijografija għal sorsi oħra utli.

Dawn il-programmi jew software huma bbażati fuq tfassil ta’ xeneġġjatura professjonali stil Amerikan. Hemm ukoll mudelli oħra ta’ preżentazzjoni ta’ xeneġġjaturi, fosthom il-mudell Taljan u dak Franċiż (ara aktar l isfel). Id-differenżi mhumiex kbar u aktar jirrigwardaw it-tqassim ta’ fejn jintwerew fuq il-paġna l-elementi differenti tal-iskript, imma l-elementi nfushom huma essenzjalment l-istess.

Nota dwar fonts: il-font li hu rakkomandat li jintuża fi sk ript li jiġi ppreżentat barra, l-Amerka biex inkunu preċiżi, huwa l-font Courier, 12 point, 10 pitch. Ġeneralment, paġna ta’ xeneġġjatura maħduma b’dan il-mod hija meqjusa li tieħu madwar minuta żmien ta’ film. Italics jew bold ma jintużawx. Niftakru li meta ġew żviluppati dawn il-linjigwida, ix-xenġġjaturi kienu jinkitbu fuq tajprajter u jgħoddu l-aktar għall-qasam professjonali barrani. Lokalment, fejn għadna relattivament kemm bdejna nimxu, forsi jistgħu jitqiesu bħala anakronistiċi. Madankollu biex nerġgħu niffamiljarizzaw ruħna ma’ dawk iż-żminijiet, u forsi wkoll b’ċerta nostalġija, qed jintużaw hawn taħt fejn jidħlu eżempji ta’ elementi li jiffurmaw xeneġġjatura.

 

L-ELEMENTI ESSENZJALI TAX-XENEĠĠJATURA.

L-iskript huwa organizzat f’sensiela ta’ xeni jew sekwenzi li jsegwu dejjem l-istess tfassila u hu magħmul minn elementi li jirrepetu ruħhom minn xena għal oħra. Li se nindika hawn infatti huma biss dawk li huma l-qafas ta’ kwalunkwe xeneġġjatura. Bosta elementi oħrajn li m’humiex inklużi huma importanti wkoll iżda ma jidħlux fl-iskop ta’ din is-sintesi qasira li hi intiża biss biex tiffamiljarizza l-qarrej novizz mal-istesura ta’ xeneġġjatura.

Veru li ħafna xogħol ta’ drammatizazzjoni jfalli jew jirnexxi skond kemm ikun tajjeb id-djalogu. M’hemmx bżonn li nenfasiżżaw kemm id-djalogu hu importanti anki f’xeneġġjatura, iżda d-djalogu mhuwiex il-film - infatti hemm elementi oħrajn li huma wisq aktar essenzjali. Kif se naraw.

L-eżempji li se jintużaw minn hawn il quddiem m’humiex ippreżentati fil-qisien preċiżi ta’ xeneġġjatura mudell iżda minħabba l-qies ridott tal-paġna qegħdin fuq skala iżgħar imma proporzjonata. L-elementi essenzjali tal-iskript jinkludu dan li ġej:

IX-XENA

Xeneġġjatura tinqasam dejjem f’xeni - jew sekwenzi distinti ta’ ffilmjar kronoloġiku. Eżempju ta’ xena, l-ewwel linja ta’ kull sekwenza (jew slugline):

 

Dawn jinkitbu dejjem b’ittri kbar fuq linja waħda qasira kemm jista’ jkun u jindikaw li l-azzjoni qed issir:

1.   BARRA jew ĠEWWA,

2.     f’ċertu lokal u

3     f’ċertu ħin tal-ġurnata.

Biex noqorbu aktar lejn l-użu ta’ jargon fl-ilsna barranin, m’hemmx raġuni għala flok Barra/Ġewwa ma tiġix adottata l-użanza bl-Ingliż (u lingwi oħra) li jinkiteb EXT. jew INT. (jew forsi EST. - estern, jew INT. - intern). Madankollu l-kelmiet bil-Malti huma diġà qosra biżżejjed li narahom aċċettabbli ħafna li jintużaw bla bżonn ta’ taqsiriet.

Ix-xeneġġjaturi kif inhuma ppreżentati f’din is-sensiela li għandha l-għan primarju li tiffamiljarizza l-qarrej ma’ dan il-ġeneru ta’ kitba bil-Malti jinkludu wkoll il-kelma “XENA” fil-bidu ta’ kull sekwenza, kif ukoll in-numru tax-xena:

 

Dan biex jgħin u jagħti punt ta’ riferiment lill-qarrej ta’ din il-pubblikazzjoni (li hija disponibbli wkoll bħala ebook) meta jkun irid ikompli jaqra wara xi interruzzjoni pjuttost twila fil-qari. Madankollu, din in-numerazzjoni ġeneralment tista’ titħalla barra għal kollox, kif ukoll il-kelma Xena, meta x-xeneġġjatura tkun għadha ma għaddietx għand ir-reġisti, crew tekniku jew xi ħadd ieħor inkarigat minn xi aspett jew ieħor tal-ġbid tal-film. In-numerazzjoni tiġi “illokkjata” imbagħad meta jibda x-xogħol u anki jekk għal xi raġuni jew oħra tinqata’ xi xena, in-numerazzjoni mbagħad tibqa’ ma tinbidilx.

X’QED JIĠRI.

L-azzjoni: dak li jiġri huwa indikat dejjem fil-preżent. Importanti li tiftakar ukoll li dak li ma jistax jidher m’għandux jiddaħħal fl-azzjoni. Bħalma f’radjudramm huwa l-ħoss li jsaħħaħ dak li qed jiġri u joħloq fil-moħħ u l-immaġinazzjoni tagħna xi jkun qed iseħħ, f’xeneġġjatura huwa dak li qed tara l-kamera li jistampalna f’moħħna dak li qed jiġri. Mela l-kitba trid tirrifletti l-punto di vista tal-kamera.

L-użu ta’ djalogu (u sound effects) jidħlu wkoll, però d-djalogu mhux parti essenzjali biex toħloq kull xena. Ėżempju ta’ din it-tip ta’ azzjoni:

 
 

Waqt li l-azzjoni tinfirex tul il-paġna, l-isem tal-KARATTRI, id-DJALOGU u d-DIDASKALJA rispettiva jiddaħħlu aktar ‘il ġewwa mill-marġni tax-xellug.

IL-KARATTRI..

Miktubin b’ittri kbar f’linja għalihom u ċċentrati fuq id-djalogu tagħhom.

ID-DJALOGU.

Jinqara ’l isfel taħt l-isem tal-karattru.

ID-DIDASKALJA (PARENTETHICALS).

L-indikazzjonijiet - fejn huma tassew essenzjali - għall-mod kif l-attur qed jgħid id-diskors/jew ir-reazzjoni tiegħu/pawsiet, eċc. Dawn jinkitbu taħt l-isem tal-karattru u jkunu ċċentrati bejn parentesi.

Eżempju:

 
 

 (V.O.) - (O.C.) - (O.S.)

Dawn għandhom x’jaqsmu mal-karattru daqskemm mad-didaskalja. Huma taqsira mill-Ingliż ta’ voice over, off-screen off-camera u jinkitbu bejn parentesi fl-istess linja wara l-isem ta’ karattru:

(V.O.) - diskors narrativ li l-karattri ma jistgħux jisimgħu.

(O.C.) u (O.S.) - diskors li jintqal minn xi ħadd li jinsab fix-xena iżda mhux muri mill-kamera.

Eżempju:


 

L-użu ta’ frażijiet jew sentenzi b’ITTRI KBAR jinstab utli biex jiġu indikati xi ħsejjes speċifiċi u effetti tekniċi jew viżwali ta’ ċerta importanza. L-istess jgħodd kultant għal dettalji, props jew kostumi speċifiċi meta jidhru l-ewwel darba, jew meta l-awtur jidhirlu li jrid jiġbed attenzjoni partikolari għal kwalunkwe ħaġa oħra li jħoss li teħtieġ attenzjoni partikolari. Il-format li qed jintuża u jiġi deskritt hawn fuq huwa bbażat fuq format tipiku ta’ xeneġġjatura stil Amerikan (fig.1), fejn id-deskrizzjoni tal-bidu tax-xena, jew slugline, li tindika intern jew estern, il-lokal u l-ħin, jinkitbu b’ittri kbar f’linja qasira qasira fuq ix-xellug tal-paġna. L-azzjoni li ssegwi tinbeda wkoll mill-marġni tax-xellug imma tinkiteb it-tul tal-paġna kollha. Meta tidħol indikazzjoni ta’ djalogu, l-isem tal-karattru jinkiteb lejn in-nofs tal-paġna b’ittri kbar, (4 pulzieri ’l ġewwa mill-marġni) iżda d-djalogu jinbeda 2.5 pulzieri aktar ’il ġewwa mix-xellug tal-folja u jinfirex tul ta’ 4 pulzieri taħt l-indikazzjoni tal-isem tal-karattru. Bejn l-isem tal-karattru u d-diskors tiegħu kultant tkun meħtieġa deskrizzjoni ta’ kif se jingħad id-diskors jew x’jagħmel il-karattru waqt li jgħidu (id-didaskalja, jew l-hekk imsejħa parentheticals).

 

 

Dan jinkteb 3.5 pulzier ’il ġewwa mix-xellug tal-paġna u jinfirex tul ta’ 3 pulzieri. Dawn il-qisien huma indikattivi biss u jvarjaw (għalkemm bi ftit) skond id-daqs tal-folja. L-Amerikani jużaw il-“letter size” li hija 8.5 bi 11-il pulzier, waqt li aħna mdorrijin bl-A4 (8.3” bi 11.7”).

Bażikament għalhekk il-format ta’ xeneġġjatura stil Amerikan ikollha fuqnett deskrizzjoni qasira tax-xena fuq ix-xellug, firxa ta’ azzjoni tul il-wisa’ tal-paġna, isem il-karattru u l-parentheticals iċċentrati lejn nofs il-paġna u taħthom roqgħa ta’ diskor imdaħħal aktar ’il ġewwa mill-azzjoni u mix-xena. [2]

Il-layout ta’ xeneġġjatura stil Taljan (fig. 2) taqsam il-paġna tal-kupjun fi tnejn: fuq ix-xellug jidħol is-slugline u taħtu l-azzjoni. Fuq in-naħa tal-faċċatta maġemb dan ma jinkiteb xejn. Aktar ’l isfel imbagħad fejn jispiċċa dan, fuq in-nofs l-ieħor tal-kupjun fuq il-lemin, jidħol isem il-karattru b’ittri kbar (bil-kliem f’parentesi maġembu, bħal - BORG(O.S.) - fejn u jekk meħtieġ) u d-diskors tiegħu taħtu. B’hekk wieħed jinnota li dan it-taqsim tal-faċċata jħalli spazju battal kultant notevoli kemm fuq naħa, kemm fuq oħra tal-paġna, li forsi ma jrendix wisq faċli l-qari meta jkollok taqbeż minn naħa għal oħra biex tkompli taqra.

Il-layout ta’ xeneġġjatura stil Franċiż (fig.3) - talanqas dik li l-aktar forsi tista’ titqies bħala tipika - hija mbagħad kompromess bejn xeneġġjatura Amerikana u Taljana. Id-djalogu jibqa’ bħal fit-Taljan fuq in-nofs tal-lemin tal-paġna waqt li x-xena u l-azzjoni jinfirxu t-tul kollu tal-paġna. Hawnhekk ukoll jista’ filfatt joħloq ftit aktar konfużjoni biex jinqara. Ta’ min jinnota madankolu li xeneġġjatura bil-Franċiż mistennija tilħaq żewġ skopijiet: isservi kemm bħala skript biex jinqara u jinteressa (jew le) lil qarrej li jrid jiddeċiedi tistax tintuża għal xi proġett, kemm bħala bażi teknika fuqiex eventwalment jinħadem il-film. Madankollu, jidher li dik li tista’ titqies bħala xeneġġjatura tipika Franċiża għadha fil-fażi ta’ żvilupp.

Meta wieħed jiġi biex jadotta xi format jew layout minn dawn biex jikteb xeneġġjatura bil-Malti forsi dak li jadottaawtomatikament huwa l-istil tax-xeneġġjatura Amerikana, xejn xejn b’rispett għall-ħidma enormi u estensiva, l-esperjenza u l-professjonaliżmu li l-industrija ċinematografika Amerikana hija mogħnija bihom. Il-volum enormi ta’ xogħol li joħroġ mill-Istati Uniti huwa ġigantesk meta mqabbel ma’ dak Ewropew. L-udjenzi għandhom għażla bla qies li bażikament tikkuntenta l-gosti tal-maġġoranza. L-istudjows kbar ċinematografiċi, il-kanali televiżivi kif ukoll il-kanali indipendeti ċinematografiċi jiżguraw li lilhinn mill-mijiet ta’ xogħlijiet sterjotipati jew bl-iskop pur ta’ divertiment hemm lok għal xogħol ta’ kwalità aħjar għaliex il-qliegħ li jsir mix-xogħol magħmul għall-massa” jagħmel tajjeb għal xi riskju li jista’ jittieħed biex jiġi żviluppat xi xogħol li mhux neċessarjament ikun intenzjonat għall-gosti popolari. Safrattant, il-mentalità hi li wara kollox - jekk mhux fuq kollox - l-industrija hija orjentata fuq linji u skopijiet purament ekonomiċi.

Fl-Ewropa, biex ix-xogħol tax-xeneġġjatur jgħaddi mill-fażi tal-pinna (jew tal-kompjuter) għall-fażi tal-kamera, it-triq taf tkun itwal u kultant ma twassal imkien. L-Ewropa finanzjarament ma tistax tikkompeti mal-bażi ekononomika transatlantika u għalhekk ma jistgħux jittieħdu riskji kbar fuq xogħlijiet “oriġinali” fejn il-mentalità tal-kittieba hija forsi tradizzjonalment u kultularment orjentata fuq bażi aktar “letterarja” u estetika milli popolareska. Speċjalment fejn tidħol il-karatterizazzjoni u l-valur inventiv. Forsi għalhekk li festival tal-films Ewropej, bħal dawk ta’ Cannes u Venezja, jistgħu jitqiesu bħala alternattiva kulturali għal Hollywood. Konsolazzjoni mbagħad meta Hollywood jieħu dawn l-istess xempji biex joħorġu b’adattamenti aktar... Amerikanizzati.

Safrattant, u minkejja dan, mhux daqstant diffiċli b’xorti ħażina li wieħed jipprova jantiċipa f’liema direzzjoni tista’ tiżvillupa l-industrija lokali f’dan il-qasam. Jekk huwa veru li minkejja li l-letteratura tagħna hi relattivament żgħażugħa imma għandha bażi rikka, huwa veru wkoll li l-popolaresk jidher li qed jirbaħ u mixi pass pass, jew bl-istess ġirja u fl-istess direzzjoni ta’ pajjiżi wisq akbar minna. Il-bozzettiżmu u l-popolaresk, miżżewweġ mal-kożmopolitanesk sab għeruq sewwa fix-xena kulturali lokali u minn dan il-l-frott hemm kemm trid għal min jiggustah. Ħasra?

BACK TO THE FUTURE.

Meta nħarsu lura, meta u jekk nindenjaw ruħna nħarsu lura, u nippruvaw infittxu liema kienet l-aqwa annata ta’ xeneġġjaturi għal xogħol ċinematografiku Malti (fis-sens wiesgħa tal-industrija) konna nagħżluha din is-sena (2017)? Jew għad irridu nistennew xi żmien futuresk? Jew forsi... l-aħjar diġà jinsab fl-imgħoddi? Ħasra, għal darb’oħra, jekk hu hekk.

Forsi ebda manwal ta’ kif tiġi ppreżentata xeneġġjatura standardizzata mhu se jevita dan. Li nittama hu li jkun hemm aktar min jinduna li forsi ta’ min japprezza u jifhem aktar x’jgħaddi minn moħħ kittieb meta jressaq xogħol maħsub biex iwassal bil-kliem dak li l-għajnejn iridu jaraw, japprezzaw u jifhmu. Ir-regoli, jekk jistgħu jissejħu hekk, ta’ kif tiġi ppreżentata xeneġġjatura jiġu adattati, midbula u forsi wkoll skartati pass pass mal-iżvilupp tal-arti u t-teknika ċinematrgrafika. L-istess kif ic-ċinema adatta ruħu u nbidel hekk kif għadda mill-era teknoloġika għall-era digitali. Li ma nixtieqx nara jinbidel hija l-ħerqa u l-viżjoni ta’ min jidħol għal dan ix-xogħol li hu kreattiv daqs kemm hu intrinsikament viżiv u superlattivament neċessarju għal kwalunkwe proġett televiżiv jew ċinematografiku.

O.C. Diċembru,2017 - San Ġiljan.



[1] Jeżistu  pubblikazzjonijiet lokali ta’ skripts li nkitbu għat-televiżjoni, però dawn ma jippruvawx jagħtu kitba dedikata apposta għal min se jipproduċi l-film, jew għall-qarrej infurmat li konxjament jipprova jifhem u japprezza dak li qed jaqra f’sens ċinematografiku. Li jagħmlu huwa pjuttost li jadottaw format li huwa bbażat fuq xi forma jew oħra ta’ skript għall-palk. F’din il-klassifika taqa’ l-ewwel pubblikazzjoni tiegħi ta’ skript għat-televiżjoni, “Ċens Perpetwu” tal-1972. L-istess jgħodd għal diversi pubblikazzjonijiet tal-istess skript fil-bidu tad-disgħinijiet. Hija l-pubblikazzjoni tal-2015 (Skart/Ċens Perpetwu) li tadotta għall-ewwel darba format proprju ta’ xeneġġjatura li użajt fl-4 volumi ta’ xeneġġjaturi li ppubblikajt s’issa.

[2] Software iddedikat għall-kitba ta’ xeneġġjaturi bħal Final Draft, minbarra li meta tibda mill-ewwel jiftaħlek il-programm fuq paġna bi stil ta’ skriptbażikament standard, joffri wkoll għadd enormi ta’ templates dedikati għal għamliet differenti ta’ skripts, mhux biss għal films, palk, TV, eċċ. imma wkoll għas-swieq lokali Amerikani kif ukoll barranin. Dan kif għedna jiffranka kull taħbil il-moħħ dwar kif għandek tippreżenta x-xogħol tiegħek fuq il-karta

 


Mini Glossarju

EXT.
Xena li tinħadem BARRA.

 INT.
 Xena li tinħadem ĠEWWA

master scene script / spec script
Skript ippreżentat li jerġa’ jinħadem biex jiżdiedu (jew jitnaqqsu) elementi tekniċi għall-produzzjoni sabiex jinqara minn min jista’ jgħaddih għall-produzzjoni. Wara jiżdiedu miegħu direzzjonijiet tekniċi meta jiġi biex jinġibed il-film.

(O.S.) off-screen
Kliem li jingħad minn xi ħadd li jinsab fix-xena iżda ma jidhirx.

(O.C.) off-camera
L-istess.

(V.O.) voice over
Kliem li jingħad minn xi ħadd li ma jkunx fix-xena  /  diskors narrativ li l-karattri ma jistgħux jisimgħu

parentheticals
Didaskalija li tidher bejn parentesi taħt l-isem tal-karattru li tindika kif jingħad id-diskors u l-attitudni jew lċ-ċirkostanzi relatati.

shooting script 
 L-iskript (spec  script) li jerġa' jinħadem biex jiżdiedu (jew jitnaqqsu) elementi tekniċi għall-produzzjoni

 slugline
 Id-daħla ta’ kull sekwenza (xena) li tindika jekk l-azzjoni ssirx ġewwa jew barra, il-lokal fejn isseħħ, kif ukoll il-ħin.


Kotba u links elettroniċi.

Raindance Writers’ Lab - Write + Sell the Hot Screenplay. ISBN 978-0240520797 - Elliot Grove. Focal Press.

Manuale Moderno di Sceneggiatura. Claudio Dedola. ISBN 978-1481827379. CreateSpace Independent Publishing Platform. 

How to Enter Screenplay Contests. Erik Joseph. ISBN 978-1580650342. IFILM Publishing.

Clause by Clause - The Screenwriter’s Legal Guide. Stephen F. Breimer. ISBN 978 0440505617. Dell Publishing.

Screenplay. The Foundations of Screenwriting. Syd Field. ISBN 978-0385339032. Delta.

Savoir Rédiger et Présenter Son Scénario. Philippe Perret. ISBN 978-1090461056. Encres de Siagne.

(Forsi l-aktar ċar, prattiku u aybe the most clear, practical and to the point.)

Écrire un scénario. Michel Chion. ISBN 978-2866424589. Cahiers du Cinéma.

Scriviamo un film. Manuale di sceneggiatura. Age. (Age huwa isem l-awtur) EAN 978 8842820581. Il Saggiatore.

Screenwriting for Dummies. Laura Shellhardt. ISBN 978-0470345405. For Dummies.

Fuq l-Internet:

http://www.screenwriting.info/glossary.php#scene-heading (glossarju bażiku ta’ termini ċinematografiċi).

https://high-concept.fr/mise-en-page-comment-ecrire-scenario/#scenario-francais

https://store.finaldraft.com https://www.celtx.com/index.html

 


 

    

   


The Screenplays: Vols. 1 - 2 - 3     

                       ISBN 978 99957 896 71

 


  PALK MALTI KONTEMPORANJU   BIJOGRAFIJA   DRAMMI   XENEĠĠJATURI  PUBBLIKAZZJONIJIET   L-ARKIVJU